- Wirja: Il-Premju Sakharov, il-Parlament Ewropew u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja
Il-Parlament Ewropew ilu ħafna snin jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Il-Membri tal-Parlament Ewropew ma joqogħdux lura milli jesprimu t-tħassib tagħhom dwar l-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja irrispettivament mill-fruntieri jew ir-reġimi. U dan mhux biss sentiment: ispirat mill-kampanja kostanti ta' Andrei Sakharov għal-libertà tal-ħsieb, il-Parlament Ewropew sarraf dan l-impenn f'realtà billi fl-1988, ta bidu għall-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb. Jekk ikun possibbli huwa l-President tal-Parlament Ewropew li personalment jagħti l-Premju Sakharov lir-rebbieħ waqt sessjoni plenarja fi Strasburgu. Dan il-premju għandu l-għan li jirrappreżenta l-ħidma straordinarja ta' Sakharov u jwassal il-messaġġ tiegħu lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Dan il-premju huwa l-ogħla unur li l-Unjoni Ewropea tagħti lill-azzjonijiet favur id-drittijiet tal-bniedem u mhuwiex biss ġest simboliku. Minbarra l-għoti ta' EUR 50,000, l-avveniment jingħata prominenza fil-media u dan jippermetti li jiġu kkundannati pubblikament il-pajjiżi li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi. F'diversi każijiet, l-għoti tal-premju Sakharov huwa wkoll mod biex ir-rebbieħa jitħarsu minn ritaljazzjoni possibbli kontrihom mill-pajjiżi tagħhom stess. Kemm il-Premju kif ukoll il-komunità tiegħu jippermettu lill-Parlament Ewropew jgħin lir-rebbieħa, jappoġġahom u jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom f'ħidmithom. Il-Premju Sakharov huwa strument tad-diplomazija tal-Parlament Ewropew u mal-mogħdija taż-żmien sar xhieda qawwija tal-impenn tal-Parlament li jieħu pożizzjoni soda kontra d-dittatorjati u li jħares id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha.