- Wirja: Il-Premju Sakharov, il-Parlament Ewropew u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja
- Il-ħajja ta' Andrei Sakharov
Andrei Dmitrievitch Sakharov twieled fil-21 ta' Mejju 1921, f'Moska, u kiber f'familja ta' xjenzati. Huwa studja l-fiżika fl-Università Lomonosov fil-kapitali. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, huwa ħadem f'laboratorju li kien jiffoka fuq l-iżvilupp ta' armi nukleari. Sakharov kellu rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-ewwel bomba termonukleari Sovjetika li ġiet ittestjata f'Awwissu 1953. Huwa kien ċittadin Sovjetiku eżemplari u rebaħ il-Premju Lenin fl-1950. Kien l-iżgħar membru tal-Akkademja tax-Xjenza tal-Unjoni Sovjetika.
Meqjus bħala "missier il-bomba tal-idroġenu Sovjetika", Sakharov ingħata ġieħ mir-reġim Komunista għall-kontribut tiegħu għall-qawwa nukleari tal-Unjoni Sovjetika. Madankollu, Sakharov beda jinkwieta dejjem aktar minħabba l-għadd dejjem jikber ta' testijiet nukleari u beda vjaġġ ta' riflessjoni li gradwalment wasslu biex isir dissident. Fil-bidu, Sakharov ikkommetta ruħu kontra t-tellieqa tal-armi, iżda malajr iddedika ruħu bis-sħiħ għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-kawża tal-libertà u sar wieħed mill-intellettwali dissidenti ewlenin tal-Unjoni Sovjetika.
Fl-1968, Sakharov ippubblika bil-moħbi "Reflections on Progress, Peaceful Coexistence and Intellectual Freedom", li ppromwova strateġija ta' koeżistenza paċifika aktar profonda bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika. Sakharov iddefenda pubblikament ukoll il-priġunieri politiċi u stabbilixxa Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ħarsien tal-Vittmi tal-Proċessi Politiċi fl-1970. Minħabba dan it-twemmin huwa ġarrab miżuri dejjem aktar ripressivi mir-reġim Sovjetiku u kien il-vittma ta' attakki ta' mibegħda mill-istampa.
Sakharov ingħata l-Premju Nobel għall-Paċi fl-1975, iżda peress li ġie projbit milli jħalli l-Unjoni Sovjetika, il-mara tiegħu Elena Bonner irċeviet il-premju f'Oslo f'isem ir-raġel tagħha. Fl-1980 tneħħewlu t-titli onorifiċi kollha u tqiegħed taħt arrest domiċiljari sal-1986. Iżda hekk kif il-politika tal-gvern bdiet tillaxka taħt il-glasnost, l-attitudnijiet naqsu mill-ħruxija, u ġie elett għall-Presidju tal-Akkademja tax-Xjenzi. Sakharov eventwalment sar membru tal-Kungress tad-Deputati tal-Poplu tal-Unjoni Sovjetika qabel ma miet aktar tard dik is-sena stess, f'Moska, fl-14 ta' Diċembru 1989 fl-età ta' 68.