- Wirja: Il-Premju Sakharov, il-Parlament Ewropew u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja
- Il-Parlament Ewropew u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja
Determinat li jħares il-prinċipji demokratiċi li jsejsu l-proġett Ewropew, il-Parlament Ewropew impenja ruħu mill-bidu tiegħu favur il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Iżda kienet l-adozzjoni tal-Att Finali ta' Ħelsinki fl-1975 li wasslet lill-Membri tal-Parlament Ewropew biex jintensifikaw l-impenn tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem. Fl-istess sena, il-Parlament laqa' b'sodisfazzjon kbir l-aħbar tal-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi lid-dissident u fiżiku Andrei Sakharov li fl-1970 kien involut fil-ħolqien tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Unjoni Sovjetika.
Il-Parlament maqdar ripetutament id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Sovjetiċi li kkundannat lil Sakharov għall-eżilju u ċ-ċaħda tagħhom li joħorġulu viża biex ikun jista' jmur Oslo jirċievi l-Premju personalment. Il-Parlament appella biex Sakharov jiġi rilaxxat u biex hu u martu jitħallew joħorġu mill-Unjoni Sovjetika. Ġie anki diskuss jekk kellux jitħalla post vojt għal Sakharov fl-Emiċiklu tal-Parlament Ewropew.
Wara l-ewwel elezzjoni tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett fl-1979, il-Membri tal-Parlament Ewropew taw prijorità politika lill-iżvilupp u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. L-għadd ta' riżoluzzjonijiet adottati f'dan il-qasam baqa' jikber b'rata kostanti minn dak iż-żmien lil hawn. Fl-1984, ġie stabbilit Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi. Dan kompla x-xogħol tal-grupp ta' ħidma preċedenti tal-Kumitat li kien jittratta kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi u l-istat tad-dritt fil-pajjiżi terzi. Minn dak iż-żmien lil hawn, sabiex jikkundanna pubblikament il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi, kull sena, fassal rapport dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja u dwar l-iżvilupp ta' politika komuni dwar din il-kwistjoni. Iżda l-Parlament baqa' dejjem jistinka għal aktar azzjoni, billi jibgħat lill-Membri tiegħu josservaw l-elezzjonijiet madwar id-dinja, jiżgura li l-ftehimiet ekonomiċi u kummerċjali internazzjonali tal-Unjoni Ewropea jkun fihom klawsoli mfassla biex iħarsu d-drittijiet tal-bniedem u jippromwovi d-demokrazija parlamentari billi jikkollabora mill-qrib mal-parlamenti ta' pajjiżi terzi.