- Wirja: Il-Premju Sakharov, il-Parlament Ewropew u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja
- Rebbieħa 1988 - 1999
Nelson Mandela – 1988, l-Afrika t'Isfel
Figura leġġendarja tal-ġlieda kontra r-razziżmu, Nelson Mandela mexxa t-tranżizzjoni storika tal-Afrika t'Isfel mill-apartheid għal demokrazija li tinkludi r-razez kollha u ppromwova opportunitajiet indaqs u paċi għal kulħadd.
F'dan il-ġest aħna naraw inkoraġġiment biex nibqgħu fidili għall-viżjoni tagħna lkoll hawnhekk: dinja mingħajr gwerra, faqar u tbatija. Fuq kollox, għalina dan ifisser li jkollok il-kuraġġ tiġġieled għall-ġustizzja u l-paċi.
Anatoli Marchenko (wara mewtu) – 1988, ir-Russja
Anatoli Marchenko, ex-dissident tal-Unjoni Sovjetika li ħareġ fid-dieher il-kundizzjonijiet orribbli li fihom il-priġunieri politiċi kienu jinżammu l-ħabs, ġie nominat minn Andrei Sakharov innifsu.
Alexander Dubček – 1989, is-Slovakkja
Dubček kien personaġġ ewlieni fir-Rebbiegħa ta' Praga, li ħadem qatigħ għal riforma demokratika u ekonomika. Huwa kompla jiġġieled favur il-libertà, is-sovranità u l-ġustizzja soċjali matul ħajtu kollha.
Jiena u nirċievi l-Premju Sakharov, ħsibijieti jmorru lejn dawk kollha li kienu fil-qalba tal-bidliet li ġeddu s-soċjetà f'dawn l-aħħar żminijiet. Anki fl-aktar mumenti diffiċli tal-eżistenza tagħhom, in-nazzjonijiet ta' pajjiżi qatt ma waqfu milli jemmnu li huma kienu qed jipparteċipaw fil-ġlieda kbira tal-umanità għal-libertà.
Aung San Suu Kyi – 1990, il-Myanmar/Burma
L-ex priġuniera politika Aung San Suu Kyi mexxiet it-taqbida favur id-demokrazija tal-Myanmar/Burma kontra d-dittatura militari tal-pajjiż. Hija rċeviet il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb fit-22 ta' Ottubru 2013, jiġifieri 23 sena wara li ngħatalha.
Fl-10 ta' Settembru 2020, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew iddeċidiet li tissospendi lis-Sa Aung San Suu Kyi mill-attivitajiet tal-Komunità tal-Premju Sakharov b'rispons għan-nuqqas tagħha li tiddefendi u tissalvagwardja d-drittijiet tal-minoranza Rohingya fil-Mjanmar/Burma, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' reazzjoni tagħha għall-ksur relatat tad-drittijiet tal-bniedem, tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.
Adem Demaçi – 1991, il-Kosovo
"Il-Mandela tal-Balkani" ħa l-pożizzjoni tiegħu kontra r-ripressjonijiet ħarxa tar-reġim Serb, u ddedika ruħu għall-promozzjoni tat-tolleranza u r-rikonċiljazzjoni etnika fil-Kosovo.
Mingħajr il-libertà tal-kelma, m'hemmx id-djalogu, mingħajr id-djalogu, ma nistgħux niskopru l-verità, u mingħajr il-verità, il-progress ikun impossibbli.
Las Madres de Plaza de Mayo - 1992, Arġentina
L-hekk imsejħa "Ommijiet ta' Plaza de Mayo" mexxew moviment ta' reżistenza paċifika kontra d-dittatura militari u r-repressjoni fl-Arġentina b'reazzjoni għall-għajbien furzat u t-tortura tal-avversarji politiċi.
Nixtiequ, b'xi mod, nissiġillaw patt biex nimpenjaw lil kulħadd ħalli il-ħajja, il-protezzjoni tal-ħajja, ma jkollhiex fruntieri.
Hebe de Bonafini
Oslobođenje – 1993, il-Bożnija-Ħerzegovina
Il-ġurnalisti ta' Oslobođenje, gazzetta ta' Sarajevo, issugraw ħajjithom jiġġieldu biex iżommu l-għaqda u d-diversità etnika ta' pajjiżhom waqt il-gwerra fl-ex Jugoslavja.
Id-difiża u l-konservazzjoni ta' Bożnija-Ħerzegovina multietnika, multinazzjonali, kosmopolitana u tolleranti.
Zlatko Dizdarević
Taslima Nasreen – 1994, il-Bangladesh
Eżiljata mill-Bangladesh u l-Bengal minħabba l-opinjonijiet sekulari tagħha, il-kittieba Taslima Nasreen tiġġieled kontra l-oppressjoni tan-nisa u topponi kull forma ta' estremiżmu reliġjuż.
Bħala kittieb, ma nistax inżomm ruħi maqtugħ mill-avvenimenti f'pajjiżi u niżola ruħi mid-dinja li ngħix fiha.
Leyla Zana – 1995, it-Turkija
Il-ġlieda favur id-demokrazija ta' Leyla Zana, l-ewwel mara Kurda eletta fil-Parlament Tork fl-1991, tissimbolizza l-ġlieda tal-poplu tagħha favur id-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem.
Huma mhux se jkunu jistgħu ixekklu l-iżvilupp u l-internazzjonalizzazzjoni tal-ġlieda paċifika tagħna għal koabitazzjoni ugwali u fraterna […] fil-qafas tad-demokrazija u r-rispett reċiproku tad-drittijiet u tal-identità ta' kull poplu.
Wei Jingsheng – 1996, iċ-Ċina
Wei Jingsheng, wieħed mill-mexxejja tal-oppożizzjoni għar-reġim Ċiniż, jitkellem dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jiġġieled għad-demokrazija. Il-ħabs u l-eżilju ma rnexxilhomx isikktuh.
Il-Premju Sakharov huwa "att ta' inkoraġġiment u ta' sostenn f'isem il-popolazzjoni Ewropea […] għall-moviment kollu tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina.
Salima Ghezali – 1997, l-Alġerija
Kap editur tal-gazzetta kritika La Nation u president tal-Assoċjazzjoni għall-Emanċipazzjoni tan-Nisa, Salima Ghezali tiddefendi d-drittijiet tan-nisa, id-demokrazija u d-djalogu politiku fl-Alġerija.
Il-kwistjonijiet demokratiċi fundamentali […] m'għandhom l-ebda ċans joħorġu mill-getti li, b'mod Makkjavelljan, jinżammu fihom jekk il-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni tgħixhom bħala l-privileġġ ta' minoranza li ma jimpurtahiex mid-destin tagħha.
Ibrahim Rugova – 1998, il-Kosovo
B'ħidma bla heda favur id-djalogu u favur is-sejbien ta' soluzzjonijiet paċifiċi, l-ewwel President tal-Kosovo ddedika ħajtu għar-reżistenza mhux vjolenti tal-Albaniżi etniċi kontra l-oppressjoni Serba.
Fl-għaxar snin li ilu li nħoloq, il-Premju Sakharov sar is-simbolu tal-paċi, tal-libertà u tal-umanità.
Xanana Gusmão - 1999, Timor Leste
Xanana Gusmão, li mexxa l-ġlieda ta' Timor Leste favur il-ħelsien u l-awtodeterminazzjoni, sar l-ewwel President tan-nazzjon u aktar tard serva bħala Prim Ministru tiegħu.
Dal-Premju jirrappreżenta r-rikonoxximent tal-Parlament Ewropew għall-kuraġġ tal-poplu tiegħi fil-ġlieda għal nazzjon ħieles fejn il-ħsieb ikun garantit bħala dritt inerenti għall-kundizzjoni umana.