- Wirja: Il-Premju Sakharov, il-Parlament Ewropew u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja
- L-Istatut tal-Premju Sakharov
L-Istatut tal-Premju Sakharov, li ġie adottat f'Lulju 1988, oriġinarjament kien jistipula li r-rebbieħa jirċievu ECU 5,000 u li kulħadd seta' jkun kandidat, irrispettivament min-nazzjonalità jew ir-residenza tiegħu. Il-Parlament Ewropew jiffaċilita wkoll il-pubblikazzjoni tal-kitbiet tar-rebbieħ. In-nomini għall-Premju Sakharov fil-bidu tiegħu ried ikollhom l-appoġġ ta' mill-inqas 25 Membru tal-Parlament Ewropew biex imbagħad il-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi tal-Parlament Ewropew iressaq proposta ta' tliet nomini lill-Bureau Estiż, jekk ikun meħtieġ, wara li jiġi kkonsultat Sakharov innifsu. Kien imbagħad f'idejn il-Bureau li jagħżel kandidat finali. Il-Premju Sakharov kien imbagħad jiġi ppreżentat mill-President tal-Parlament Ewropew waqt sessjoni plenarja. Matul is-snin, il-valur tal-premju progressivament żdied għal EUR 50,000 biex jirrikonoxxi l-importanza ta' dawk li jaħdmu għad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja.
Iżda kien fadal isir aktar tibdil. L-istatut tal-Premju Sakharov kellu tibdiliet importanti fl-2003 wara proposti mill-Membru Parlamentari Ewropew Ġermaniż Elmar Brok, li dak iż-żmien kien il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, għad-Drittijiet tal-Bniedem u għas-Sigurtà Komuni u l-Politika tad-Difiża. Fi sforz biex jitwessa' l-ambitu tal-Premju, ġie deċiż li hu għandu jagħti ġieħ lil kisbiet partikolari (ħidma intellettwali jew artistika jew kontribut attiv) fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni.
Il-Premju beda wkoll jagħti ġieħ lill-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi, ir-rispett tad-dritt pubbliku internazzjonali, l-iżvilupp tad-demokrazija u l-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt. In-nomini issa setgħu jkunu appoġġati minn grupp politiku anki jekk, fuq bażi individwali, il-Membri setgħu jappoġġaw biss nomina waħda. Kien imiss imbagħad lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament li jipproponi tliet nomini lill-Konferenza tal-Presidenti, magħmula mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-Presidenti tal-Gruppi Politiċi, biex jintgħażel ir-rebbieħ finali. Minħabba t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u ż-żieda tal-għadd ta' Membri Parlamentari Ewropej, kwalunkwe nomina potenzjali issa tirrikjedi l-appoġġ ta' 40 Membru Parlamentari Ewropew.