- Wirja: Il-Premju Sakharov, il-Parlament Ewropew u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja
- Ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov
Sa mill-ħolqien tiegħu, aktar minn tletin sena ilu, il-Premju Sakharov irrikonoxxa firxa kbira ta' individwi u gruppi ta' attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha li jaħdmu bla heda għall-ġustizzja u l-ugwaljanza fis-soċjetajiet tagħhom. Għal żmien twil il-Parlament Ewropew ma kellux setgħat reali fil-qasam tal-politika barranija, madankollu mill-ewwel għaraf il-potenzjal tal-Premju Sakharov biex jistabbilixxi l-impenn tiegħu favur id-drittijiet fundamentali fix-xena internazzjonali u ħataf din l-opportunità kull meta seta'. Ir-rebbieħa ġew minn firxa differenti ta' kulturi u reġjuni u inkludew it-tipi kollha ta' attivisti li wieħed jista' jimmaġina. Kelliema għall-minoranzi, grupp kontra t-terroriżmu, attivist għall-projbizzjoni tat-tortura, karikaturista, priġunieri minħabba twemmin detenuti għal żmien twil, direttur tal-films, il-korp kollettiv tan-Nazzjonijiet Uniti u saħansitra tifla li tiddefendi d-dritt għall-edukazzjoni – kollha ġew rikonoxxuti mill-Parlament Ewropew għall-ħidma impressjonanti tagħhom.
Billi jagħti ġieħ lil tali nies u organizzazzjonijiet, il-Premju jippromwovi b'mod attiv il-valuri li jħaddan il-Parlament Ewropew bħal-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet tal-minoranzi, ir-rispett tal-liġi internazzjonali u l-istabbiliment tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt. Ħafna mir-rebbieħa kienu diġà qattgħu snin twal ta' detenzjoni u kien fadlilhom aktar minnhom. Uħud minnhom saħansitra ssagrifikaw ħajjithom biex jipproteġu dawn il-valuri. Huwa sinifikanti li xi rebbieħa tal-Premju Sakharov imbagħad rebħu l-Premju Nobel għall-Paċi. Dak li r-rebbieħa tal-Premju Sakharov għandhom komuni bejniethom huwa li kollha jifhmu sew kemm hu neċessarju li jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u r-rieda tagħhom li jiddedikaw ħajjithom għal din il-ġlieda diffiċli.
F'Diċembru 2019, is-"Sakharov Walk of Freedom" ġiet inawgurata fl-Esplanade Solidarność 1980, eżatt quddiem il-Parlament Ewropew fi Brussell. Il-Mixja tikkonsisti fi 43 maduma taċ-ċeramika li fuqhom hemm kitbiet qosra dwar ir-rebbieħa kollha tal-Premju Sakharov, f'ordni kronoloġiku mill-1988 sal-lum. B'hekk, kull min jidħol il-Parlament jiftakar fl-importanza tad-drittijiet tagħna bħala individwi u l-ħtieġa li niġġieldu għalihom.
Il-Premju Sakharov, il-Parlament Ewropew u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja (audio)
Barra milli jagħti l-Premju Sakharov, il-Parlament Ewropew ikompli jirrispetta l-valuri tiegħu u jaġixxi skonthom permezz ta' ħafna mezzi oħra. Il-Membri tiegħu jitkellmu apertament b'mod regolari fuq kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi barra mill-UE fir-riżoluzzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fis-sessjonijiet plenarji. Peress li dawn id-drittijiet huma meqjusa universali, ir-rispons huwa l-istess kemm jekk ksur tagħhom iseħħ fil-Myanmar/Burma, mat-8,000 kilometru 'l bogħod, daqs kemm jekk iseħħ fil-Belarussja, li tinsab fuq il-fruntiera mal-Unjoni. Riżoluzzjonijiet importanti ġew adottati regolarment mill-Parlament Ewropew u dawn jirrilevaw kwistjonijiet umanitarji importanti u l-Membri jaħdmu biex jiddefendu s-sistemi demokratiċi madwar id-dinja, u anki jivvjaġġaw biex josservaw elezzjonijiet, joffru medjazzjoni f'kunflitti u jgħinu parlamenti li għadhom fil-bidu. Biex inġibu eżempju wieħed biss, il-Parlament Ewropew dan l-aħħar osserva l-elezzjonijiet leġiżlattivi bikrija fil-Perù f'Jannar 2020. Il-Parlament Ewropew jifhem li d-drittijiet tal-bniedem ma jieqfux mal-fruntieri tal-UE u jieħu azzjoni dwar dan kull fejn jista'.