- Wirja: Il-Premju Sakharov, il-Parlament Ewropew u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja
- Rebbieħa 2005 - 2009
Damas de Blanco – 2005, Kuba
Minkejja r-repressjoni kostanti, id-Damas de Blanco (Nisa Lebsin l-Abjad), magħrufa wkoll bħala d-Damas, jorganizzaw dimostrazzjonijiet paċifiċi ta' protesta kull ġimgħa, b'sejħiet għad-demokrazija u għall-ħelsien tad-dissidenti politiċi f'Kuba.
Hauwa Ibrahim – 2005, in-Niġerja
L-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Hauwa Ibrahim tiddefendi lin-nisa u lit-tfal ikkundannati mill-qrati tax-Sharia fin-Niġerja. Hija tippromwovi l-edukazzjoni għall-bniet bħala l-pedament ta' soċjetà paċifika.
Reporters Without Borders – 2005, Franza (kwartieri ġenerali)
Reporters Without Borders (Reporters Sans Frontières – RSF), NGO internazzjonali, tiġġieled favur il-libertà tal-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni, filwaqt li tagħti appoġġ lill-ġurnalisti ppersegwitati mad-dinja kollha.
Bħallikieku jeżistu standards doppji, bħallikieku jeżistu ħajjiet li jiswew aktar minn oħrajn, bħallikieku hemm libertajiet li jolqtuna u oħrajn li ma jolqtuniex! Dan irid jintemm darba għal dejjem.
Robert Ménard
Aliaksandr Milinkevich – 2006, il-Belarussja
Bħala mexxej tal-Moviment għal-Libertà – parti mill-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja – Aliaksandr Milinkevich ħadha kontra r-reati tar-reġim Belarussu fil-konfront tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.
Hemm ħafna x'tistgħu tagħmlu! Tistgħu tgħinuna nkissru l-imblokk ta' informazzjoni, inxaqqu l-viżjoni dejqa tad-dinja imposta fuq il-kompatrijotti tiegħi mill-propaganda tal-gvern, noħolqu spazju pubbliku li jinkoraġġixxi djalogu miftuħ fost iċ-ċittadini fejn jiltaqgħu l-awturi indipendenti, l-intellettwali u l-awtoritajiet morali.
Salih Mahmoud Mohamed Osman – 2007, is-Sudan
L-avukat Sudaniż Salih Mahmoud Mohamed Osman jiddefendi lill-vittmi tal-arrest arbitrarju, it-tortura u l-abbuż min-naħa tal-awtoritajiet, minkejja li hu stess kien safa' arrestat.
Ir-rikonoxximent mill-Parlament Ewropew, tal-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan, jagħtina l-kuraġġ u d-determinazzjoni biex inkomplu nitkellmu f'isem il-vittmi, biex intaffu ftit it-tbatijiet tagħhom.
Hu Jia – 2008, iċ-Ċina
Hu Jia ssogra ħajtu għall-attiviżmu tiegħu, u ġibed l-attenzjoni tad-dinja għall-massakru tal-Pjazza Tiananmen, kwistjonijiet relatati mal-AIDS u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina.
Biex ngħidilkom is-sewwa, il-kuraġġ xi kultant mhux biżżejjed. Xi drabi, il-prezz mitlub ikun għoli wisq.
Zeng Jinyan
Memorial (Oleg Orlov, Sergei Kovalev u Lyudmila Alexeyeva f'isem Memorial u d-difensuri l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja) – 2009, ir-Russja
Imwaqqfa biex tippreserva l-memorja tar-repressjoni tal-massa taħt Stalin, l-assoċjazzjoni Memorial taħdem favur ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tipproteġi lill-vittmi tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u fil-pajjiżi tal-ex Unjoni Sovjetika.
Il-libertà tal-ħsieb hija l-bażi tal-libertajiet l-oħrajn kollha.
Sergei Kovalev