- Wirja: Il-Premju Sakharov, il-Parlament Ewropew u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja
- Il-ħolqien tal-Premju Sakharov
L-idea li jinħoloq premju annwali tal-Parlament Ewropew ħarġet waqt dibattitu dwar is-sitwazzjoni ta' Andrei Sakharov, f'sessjoni plenarja f'Lulju 1984. L-iskop oriġinali ta' dan il-premju kien li jippremja l-ħidma fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent, fil-libertà tad-diskussjoni u l-investigazzjoni u fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt. Kif qal il-Membru Parlamentari Franċiż, li kien ukoll ir-rapporteur, Jean-François Deniau, il-Parlament Ewropew elett liberament kellu d-dmir u r-responsabbiltà li jiddefendi l-libertajiet fundamentali. Is-Sur Deniau argumenta li Andrei Sakharov jirrappreżenta tassew dan il-Premju.
Sakharov kien ċittadin Ewropew li kien il-personifikazzjoni tal-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni u li kien iddeċieda, minħabba l-konvinzjonijiet u l-kuxjenza tiegħu, li jirrinunzja l-vantaġġi materjali u l-unuri kollha li kellu aċċess għalihom.
Jean-François Deniau
Din l-isfida qawwija twieġbet mill-Membri tal-Parlament Ewropew: fit-13 ta' Diċembru 1985, il-mozzjoni għal riżoluzzjoni li ħolqot il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb ġiet adottata b'maġġoranza kbira.
Lord Plumb, il-President tal-Parlament Ewropew ta' dak iż-żmien, personalment talab lil Andrei Sakharov jappoġġa l-proġett. Fir-rebbiegħa tal-1987, huwa ta l-appoġġ tiegħu lill-proġett u aċċetta li jinħoloq premju li jġib ismu. Finalment ġie deċiż li l-Premju Sakharov jingħata lil individwi jew organizzazzjonijiet li jkunu ddistingwew ruħhom għall-attivitajiet, l-impenji jew il-prestazzjonijiet tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa u madwar id-dinja. Bi qbil mal-Kumitat Politiku tal-Parlament Ewropew, ġie deċiż li l-ewwel Premju Sakharov jingħata qabel tmiem l-1988 u rebħuh Nelson Mandela u Anatoli Marchenko. Dan tal-aħħar kien proponieh Sakharov innifsu.