Niddefendu l-libertajiet taċ-ċittadini
L-istorja tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE
L-istorja tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li ġiet ipproklamata b’mod solenni fil-Kunsill Ewropew ta’ Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000, hija pass storiku fil-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini fl-Ewropa. Il-Parlament Ewropew kien ilu żmien twil jitlob li jkun hemm dokument ta' dan it-tip. Fil-fatt, għall-Membri tal-Parlament Ewropew, kien importanti li kull ċittadin seta' jkun jaf xi drittijiet u libertajiet fundamentali għandu ggarantiti fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha u li hemm sistema ta' rimedju legali f'każ ta' ksur. Imfassla bħala bażi ta' referenza u r-riżultat ta' metodu ta' abbozzar totalment oriġinali, il-Karta tiġbor f'test wieħed id-drittijiet ċiviċi, politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha taċ-ċittadini Ewropej u ta' kull min jgħix fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.
Id-drittijiet tal-bniedem inklużi fil-Karta huma essenzjali u inaljenabbli. Il-Karta għandha l-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-progress soċjali u tal-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi, fil-kuntest tal-evoluzzjoni tas-soċjetà. Dawn id-drittijiet huma bbażati fuq il-prinċipji fundamentali: id-dinjità tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza bejn il-persuni, is-solidarjetà, iċ-ċittadinanza u l-ġustizzja. L-għan tal-Karta huwa wkoll li toħloq bejn il-popli Ewropej unjoni dejjem iktar stretta sabiex jaqsmu ġejjieni bbażat fuq valuri komuni. Mill-2009, id-drittijiet fundamentali ġew elevati għal-livell tat-Trattati permezz tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fit-Trattat ta' Lisbona. Hija annessa għat-trattati u hija applikata mill-qrati tal-Unjoni Ewropea.