- Wirja: Niddefendu l-libertajiet taċ-ċittadini
- Il-ħidma tal-Konvenzjoni inkarigata mill-kitba tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE
Erba' xhur wara l-Kunsill Ewropew f'Cologne, kien f'Tampere, fil-Finlandja, li ġew finalment definiti l-metodi ta' ħidma speċifiċi u l-kompożizzjoni preċiża tal-grupp ta' ħidma inkarigat mill-kitba tat-test tad-drittijiet fundamentali. L-esperjenza kienet waħda storika: għall-ewwel darba, il-Membri tal-Parlament Ewropew setgħu jingħaqdu mal-parlamenti nazzjonali, ma' rappreżentanti tal-kapijiet tal-Istat u mal-Kummissjoni Ewropea biex jifformulaw test ta' natura kostituzzjonali.
It-tnejn u sittin membru temmew il-ħidmiet tagħhom fi Brussell, fis-17 ta' Diċembru 1999. Fuq talba ta' diversi Membri tal-Parlament Ewropew, huma taw lilhom infushom l-isem aktar simboliku ta' "Konvenzjoni". Din kienet magħmula minn Membri tal-Parlament Ewropew (16) u delegati tal-parlamenti nazzjonali (tnejn għal kull Stat, 30 b'kollox), rappreżentanti tal-gvernijiet (15, dak iż-żmien) u tal-Kummissjoni Ewropea (wieħed). Barra minn hekk, żewġ rappreżentanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u żewġ rappreżentanti tal-Kunsill tal-Ewropa, fosthom rappreżentant tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għenu f'din il-ħidma. Kien ukoll previst djalogu mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Ombudsman Ewropew. Fl-aħħar nett, kien maħsub li jiġu mistiedna l-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, gruppi soċjali u esperti biex jikkontribwixxu fid-deliberazzjonijiet.
Il-Konvenzjoni kienet preseduta minn Roman Herzog, eks President tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ġermanja f'Karlsruhe u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li kien wieħed mill-fundaturi tal-inizjattiva. Huwa kien megħjun minn kumitat ta' abbozzar (Praesidium) kif ukoll minn kollaborazzjoni mill-qrib li saret mat-tim tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u t-task force interservizz iffurmata b'mod speċjali biex tgħin lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew matul il-ħidma. Inawgurata fil-bini tal-Kunsill, il-ħidma tal-Konvenzjoni u tal-Praesidium saret kważi kollha fi ħdan il-Parlament Ewropew fi Brussell, u dan ħaffef bil-kbir il-kompitu tal-Membri tal-Parlament Ewropew li kellhom rwoli prinċipali fil-ħidma fuq il-Karta.
Malajr kien evidenti li l-eteroġenjetà tal-membri tal-Konvenzjoni kien fattur favorevoli għall-iżvilupp tad-dibattiti. Matul id-disa' xhur li damet għaddejja l-ħidma tal-Konvenzjoni, inħoloq djalogu bla preċedent mas-soċjetà ċivili permezz tal-kontributi u s-seduti ta' smigħ ta' għexieren ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi. Mill-ewwel, il-Konvenzjoni ddeċidiet li tieħu d-deċiżjonijiet tagħha skont ir-regola tal-kunsens. Il-ħidma tal-Konvenzjoni riedet tkun partikolarment trasparenti, u b'hekk is-sessjonijiet tagħha saru b'mod pubbliku u d-dokumenti preparatorji tagħha kienu disponibbli b'xejn fuq l-Internet, permezz ta' sit web apposta.