- Wirja: Niddefendu l-libertajiet taċ-ċittadini
- Ir-rwol pijunier tal-Parlament Ewropew
Tul l-istorja tiegħu, il-Parlament Ewropew stinka biex jiddefendi u jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem. Huwa nieda ħafna inizjattivi politiċi f'dan il-qasam u impenja ruħu b'mod partikolari biex il-Komunità Ewropea tadotta l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. L-Assemblea qieset li kellha tikkunsidra id-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità.
Mill-1975, il-Parlament iddeplora l-fatt li d-drittijiet tal-bniedem ma kinux imsemmija fit-trattati fundaturi tal-Komunitajiet Ewropej, li l-għan tagħhom kien prinċipalment ekonomiku. Għalhekk huwa adotta riżoluzzjoni li fiha insista dwar il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tal-futur tkun mgħammra b'Karta tad-Drittijiet Fundamentali speċifika għaliha. Għall-Membri tal-Parlament Ewropew, dan ikkonferma l-għan politiku tal-bini ta' Ewropa magħquda. Sentejn wara, il-Membri rnexxielhom jagħmlu kisba: li l-presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea iffirmaw dikjarazzjoni fil-Lussemburgu li permezz tagħha huma impenjaw ruħhom b'mod konġunt u f'isem l-istituzzjoni tagħhom li josservaw id-drittijiet fundamentali.
Imbagħad, fl-1984, l-Assemblea adottat b'maġġoranza kbira l-abbozz tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (l-abbozz Spinelli). Dan kien jipprevedi l-adozzjoni mill-Unjoni ta' dikjarazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali fi żmien ħames snin. F'numru ta' okkażjonijiet, il-Parlament Ewropew kien appoġġat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej li l-ġurisprudenza tagħha stabbiliet li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għandha tkun imħarsa mil-liġi komunitarja.
L-Att Uniku Ewropew li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1987, ifakkar l-impenn tal-Istati Membri li f'daqqa jippromwovu d-demokrazija fuq il-bażi tad-drittijiet fundamentali bħal-libertà, l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali. Iżda l-Parlament Ewropew ried imur lil hinn minn hekk minħabba l-konvinzjoni li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huwa kundizzjoni indispensabbli tal-leġittimità komunitarja. Għalhekk, fit-12 ta' April 1989, huwa ddikjara u adotta d-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali u appella liċ-ċittadini biex jappoġawh attivament. Il-ħarsien tal-ambjent u ċerti drittijiet soċjali ġodda (id-dritt għall-protezzjoni soċjali, id-dritt għal edukazzjoni, il-ħarsien tal-konsumatur, eċċ.) b'hekk jidhru fost id-drittijiet fundamentali li l-Parlament Ewropew ried jiddefendi. Għalkemm dan it-test kien jammonta għal progress sinifikanti, u minkejja kjarifiki pprovduti sadanittant mit-Trattati ta' Maastricht u ta' Amsterdam, madankollu ma kienx qabel l-aħħar tas-snin 90 li fl-aħħar ġew ikkunsidrati l-aspettattivi tal-Membri tal-Parlament Ewropew.