- Wirja: Niddefendu l-libertajiet taċ-ċittadini
- L-adozzjoni u l-portata ġuridika tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
L-abbozzar tal-Karta tlesta fis-26 ta' Settembru 2000. Fit-2 ta' Ottubru, il-Konvenzjoni formalment adottat it-test u għaddietu lill-President tal-Kunsill Ewropew. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea setgħet b'hekk tiġi preżentata lill-Kunsill Ewropew ta' Biarritz (12-13 ta' Ottubru) qabel ma ġiet proklamata mill-Kunsill Ewropew ta' Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000. Ċerti Stati Membri kienu kontra l-inkorporazzjoni tagħha fit-trattati fundaturi. Kuntrarjament għal dan, Stati Membri oħra, u kif ukoll il-Parlament Ewropew, xtaqu jagħtu lill-Karta valur legali li jorbot bil-liġi, b'mod sħiħ. Dan ma jwaqqafx lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea milli jqisuha. Huma malajr għamluha simbolu ta' governanza li ġġib rispett lid-drittijiet fundamentali.
Il-Parlament Ewropew, minkejja dan, xorta baqa' jinsisti li jkollha valur legali. Huwa għalhekk li l-proġett tal-Kostituzzjoni Ewropea li ħadmet fuqu l-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa fl-2004, integra t-test tal-Karta. Iżda wara li dan it-trattat ġie miċħud fl-2005 wara referenda b'eżiti negattivi fi Franza u fin-Netherlands, kellna nistennew li l-Karta tiġi ffirmata f'Diċembru 2007 fit-Trattat ta' Lisbona u li tidħol fis-seħħ f'Diċembru 2009 biex finalment il-Karta saret torbot bil-liġi. Hija issa tikkostitwixxi element ċentrali tal-ordni ġuridiku komunitarju, minkejja li r-Renju Unit, il-Polonja u mbagħad ir-Repubblika Ċeka, kisbu deroga biex ma japplikawx id-drittijiet fundamentali li mhumiex rikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.