- Wirja: Niddefendu l-libertajiet taċ-ċittadini
- Abbozzar diffiċli u ambizzjuż
Id-diffikultajiet fl-abbozzar tal-Karta kienu ħafna peress li dan il-proġett ma kienx wieħed ta' reviżjoni ta' trattati komunitarji jew ta' twessigħ tal-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea. L-objettiv kien li jiġu rilevati u evidenzjati d-drittijiet li l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw fil-funzjonament tagħhom. Għaldaqstant, il-membri tal-Konvenzjoni ma ridux biss jistabbilixxu katalogu ta' drittijiet: huma riedu fuq kollox jaffermaw aħjar dawn id-drittijiet u jiggarantuhom b'mod effikaċi.
Iżda d-differenzi bejn is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri (liġi miktuba / liġi konswetudinarja, drittijiet inforzabbli / prinċipji ġenerali tal-liġi, eċċ.) jagħmlu l-armonizzazzjoni kumplikata. Ċerti klawsoli b'hekk huma l-frott ta' kompromess u formulati bi prudenza. Fir-realtà, it-test tal-Karta jiġbor il-punti essenzjali tad-dispożizzjonijiet li sa dak iż-żmien kienu sparpaljati f'diversi strumenti internazzjonali u nazzjonali. Fl-istess ħin, il-Karta tintroduċi wkoll affarijiet ġodda, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-protezzjoni tad-data personali, il-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll id-drittijiet marbuta mal-bijoetika (imsejħa drittijiet "tal-ġenerazzjoni li jmiss").
Ir-riżultat huwa test qasir, ta' erbgħa u ħamsin artikolu, abbozzati fi stil ċar u koerenti sabiex jinftiehmu faċilment mill-persuni kollha li jindirizzaw. Il-Karta telenka d-drittijiet artikolati madwar għadd ta' prinċipji essenzjali: id-dinjità tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza bejn il-persuni, is-solidarjetà, iċ-ċittadinanza u l-ġustizzja. Il-preambolu tal-Karta jfakkar li "Il-popli tal-Ewropa, bil-ħolqien bejniethom ta' unjoni dejjem iktar stretta, iddeċidew li jaqsmu bejniethom ġejjieni ta' paċi bbażat fuq valuri komuni." Mingħajr ma tagħmel referenza għall-wirt reliġjuż, il-Karta tevoka wkoll il-patrimonju spiritwali u morali tal-Unjoni Ewropea li hija mibnija "fuq il-valuri indiviżibbli u universali tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà" filwaqt li b'mod partikolari "hi bbażata fuq il-prinċipji ta' demokrazija u l-istat tad-dritt".
L-ewwel kapitolu jistabbilixxi li d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Imbagħad hemm artikoli li jħarsu d-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, imbagħad il-projbizzjoni tal-iskjavitù u tax-xogħol forzat. It-taqsima dedikata għal-libertajiet telenka d-drittijiet għal-libertà, is-sigurtà u r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja. Hija tfakkar b'mod partikolari l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u ta' assoċjazzjoni. Huma wkoll affermati d-dritt għall-edukazzjoni, id-dritt għax-xogħol, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-asil. Filwaqt li tfakkar li l-persuni kollha huma ugwali quddiem il-liġi, il-kapitolu tal-Karta fuq l-ugwaljanza jipprojbixxi l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u jipproklama l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Wara dan jiġu trattati d-drittijiet tat-tfal kif ukoll dawk tal-anzjani u l-persuni diżabbli. F'dak li hu relatat mas-solidarjetà, terminu li finalment ġie ppreferut għall-kunċett ta' "drittijiet soċjali", il-Karta tirrileva serje ta' drittijiet bħad-drittijiet għall-azzjoni kollettiva (inkluż l-istrajk), il-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta' tkeċċija inġusta, id-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, id-dritt għall-assistenza soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni, id-dritt għall-aċċess għall-benefiċċji ta' sigurtà soċjali u d-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa. L-impjieg ta' tfal huwa wkoll projbit. Il-kapitolu fuq iċ-ċittadinanza jipprovdi l-lista ta' drittijiet riservati għaċ-ċittadini Ewropej: id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet, id-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, id-dritt għall-protezzjoni diplomatika u konsulari fit-territorju ta' pajjiż terz kif ukoll id-dritt għal amministrazzjoni tajba mill-istituzzjonijiet komunitarji.
Il-Karta mbagħad issemmi l-prinċipji essenzjali fis-suġġett tal-ġustizzja bħall-preżunzjoni ta' innoċenza, ir-rispett tad-drittijiet għad-difiża, il-prinċipji ta' legalità u proporzjonalità ta' reati u ta' pieni kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali quddiem qorti. L-aħħar artikoli tat-test jikkonċernaw il-portata tad-drittijiet u l-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta u l-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha.