Ir-Riunifikazzjoni tal-Ġermanja
Il-Parlament Ewropew u l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin
Il-Parlament Ewropew u l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin
Matul il-lejl bejn id-9 u l-10 ta' Novembru 1989, mingħajr ebda tip ta' preparazzjoni, waqa' l-Ħajt ta' Berlin fl-istess ħin li krolla l-gvern komunista tar-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja. Il-Gwerra Bierda kienet waslet fi tmiemha; kienet qed tinqaleb paġna ewlenija tal-istorja tal-Ewropa. Xahar wara, il-ftuħ uffiċjali tal-bieb ta' Brandenburg stabbilixxa b'mod definittiv il-libertà ta' moviment mill-ġdid bejn iż-żewġ Ġermanji. Mit-3 ta' Ottubru 1990, l-unifikazzjoni tal-Ġermanja kienet saret realtà. Il-ġejjieni tal-integrazzjoni Ewropea inqaleb ta' taħt fuq.
Quddiem dawn l-avvenimenti politiċi u minkejja l-ħeffa tal-proċess, il-Parlament Ewropew assuma r-rwol tiegħu bis-sħiħ u żied il-parteċipazzjoni tiegħu. Matul diversi xhur, huwa offra forum għall-mexxejja Ewropej inkarigati biex iħejju r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja. Imħassba dwar il-konsegwenzi politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali ta' dak il-mument storiku għall-Komunità Ewropea, il-MPE appoġġaw ir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja. Biex jagħmlu dan, huma żiedu t-teħid ta' pożizzjoni favorevoli għad-demokratizzazzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa ċentrali u tal-Lvant.