- Wirja: Ir-Riunifikazzjoni tal-Ġermanja
- Il-Parlament Ewropew u d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-popli
Fis-16 ta' Novembru 1989, il-Bureau estiż tal-Parlament Ewropew, li ltaqa' f'sessjoni straordinarja fi Brussell, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-avvenimenti u l-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin, u fl-istess ħin tenna l-impenn tal-Assemblea għall-awtodeterminazzjoni tal-popli u għad-demokrazija.
Ġimgħa wara, il-MPE adottaw riżoluzzjoni li titlob "id-dritt għall-awtodeterminazzjoni" għaċ-ċittadini tar-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja, "inkluża l-possibbiltà li dawn ikunu parti minn Ġermanja magħquda f'Ewropa magħquda". Fid-9 ta' Frar 1990, il-President Barón Crespo mar Berlin tal-Lvant fejn iltaqa' ma' diversi mexxejja ta' movimenti demokratiċi. Huwa ħa wkoll l-opportunità li jfakkar lill-interlokuturi kollha tiegħu li, għall-Parlament Ewropew, il-futur tal-Ġermanja kellu jiġi indirizzat fil-kuntest tal-istabbiliment ta' Unjoni Ewropea u ta' struttura li tiggarantixxi l-paċi u l-libertà fl-Ewropa kollha. Ġimgħa wara, il-Parlament adotta riżoluzzjoni ġdida li rrikonoxxiet id-dritt tal-Ġermaniżi kollha li jgħixu fi Stat wieħed. Aktar tard, il-MPE laqgħu wkoll bi pjaċir il-fatt li f'Marzu 1990, fl-ewwel elezzjonijiet demokratiċi li saru fir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja, kienu l-partiti politiċi li kienu favur l-unifikazzjoni tal-Ġermanja li rebħu l-elezzjoni.
Fis-16 ta' Mejju 1990, il-bini tal-Parlament Ewropew intgħażel mill-Kanċillier Helmut Kohl u minn Lothar de Maizière, li kien l-ewwel Prim Ministru tar-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja li ġie elett demokratikament, biex iwasslu l-viżjoni tagħhom dwar il-futur ta' pajjiżhom u tal-Ewropa.
Għal Lothar de Maizière, dan l-avveniment kellu valur storiku. Huwa qal: "F'dan il-waqt fejn, bħala Prim Ministru tal-ewwel gvern demokratiku tar-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja, nista' nindirizzakom, qalbi mimlija emozzjoni". U kompla jgħid: "Il-laqgħa tagħna llum qed isseħħ f'ġieħ dawk il-Ġermaniżi tal-Lvant li bdew jieħdu d-destin tagħhom f'idejhom fil-Ħarifa tal-1989. Permezz ta' mezzi paċifiċi, huma ġġieldu għad-drittijiet tagħhom, bħala bnedmin, għad-demokrazija, għal-libertà, għall-awtodeterminazzjoni, għar-rispett tad-dinjità ta' kull persuna." Quddiem il-MPE, l-għan ewlieni tal-Kanċillier Kohl kien li jserraħ l-imħuħ dwar riperkussjonijiet possibbli tal-unifikazzjoni tal-Ġermanja fuq il-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea : ''Il-Gvern Federali dejjem ra li l-proċess ta' unifikazzjoni tal-Ġermanja jsir f'qafas Ewropew stabbli. Jien tajt lili nnifsi l-kompitu li nagħti spinta lill-proċess ta' unifikazzjoni Ewropea u Ġermaniża billi nagħmilhom konformi kemm jista' jkun, sa fejn stajt nagħmel, fil-qafas ta' kalendarju komuni".