- Wirja: Ir-Riunifikazzjoni tal-Ġermanja
- Il-kwistjoni ta' żieda fir-rappreżentanza tal-Ġermanja fil-Parlament Ewropew
F'inqas minn sena, il-Ġermanja kisbet mill-ġdid l-unità u s-sovranità tagħha. Għall-Parlament Ewropew, kien ta' sodisfazzjon kbir li huwa kien tant ċentrali f'dawn l-avvenimenti storiċi. Imbagħad qamet kwistjoni importanti : ir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja qajmet il-kwistjoni ta' rappreżentanza demokratika ta' 16-il miljun ċittadin ġdid tal-Komunità Ewropea. Huwa għalhekk li l-Parlament Ewropew qabel li jagħti siġġu lil 18-il osservatur mill-ħames Länder tal-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja.
Eletti demokratikament f'Marzu 1990 fil-Volkskammer (il-Kamra tal-Poplu) tal-Ġermanja tal-Lvant u fil-frattemp delegati mill-Bundestag Ġermaniż, mill-1991 dawn l-osservaturi kienu involuti fil-ħidma tal-Parlament Ewropew, tal-kumitati parlamentari u tal-gruppi politiċi tiegħu. Wara xi arranġamenti loġistiċi, huma ngħaqdu, mingħajr dritt tal-vot, mad-delegazzjoni Ġermaniża, b'rappreżentanza li telgħet minn 81 għal 99 Membru, sakemm intlaħaq ftehim finali dwar il-kwistjoni tar-rappreżentanza tal-Istati Membri kollha u l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej f'Ġunju 1994.