- Wirja: Dar Jean Monnet
- Id-dar fiċ-ċentru ta' Ewropa ġdida
Fl-1945, meta ġie lura mill-Istati Uniti, Jean Monnet u l-familja tiegħu xtraw proprjetà li kienet razzett f'Houjarray, Yvelines, u bdew jgħixu fiha mingħajr ma kellhom żmien biex jirrinnovaw il-bini. Kien f'dan l-ambjent sempliċi li Monnet għex u ħadem għal iktar minn tletin sena, filwaqt li martu Silvia kienet iddedikat ruħha għat-tpittir.
F'Houjarray, Monnet qatta' l-biċċa l-kbira ta' ħinu jaħseb dwar il-futur tal-Ewropa u tal-istituzzjonijiet tagħha. Kien hawnhekk, fl-1950, li ħoloq il-proġett li minnu twieldet il-KEFA sentejn wara. Meta ma kienx qiegħed jivvjaġġa madwar id-dinja, Monnet kien jilqa' lil ħbiebu u lil uffiċjali barranin f'Houjarray, li kienu kollha ħerqana biex jisimgħu l-pariri u l-kummenti tiegħu dwar l-aħħar aħbarijiet. Fost il-persuni magħrufa li kienu jżuruh, insibu lill-President tal-Istati Uniti Dwight Eisenhower, il-Ministru Robert Schuman, id-diplomatiċi Amerikani John McCloy u George Ball, il-finanzjatur Brittaniku Eric Roll, il-mexxej Laburista George Brown u l-Prinċep Bernhard tan-Netherlands. Kollaboraturi leali regolari bħal Pierre Uri, Robert Marjolin u Etienne Hirsch ukoll kienu jżuru ta' spiss.
Kuljum, wara mixja fil-kampanja tal-madwar u wara li jkun qara l-aktar gazzetti reċenti, Monnet kien jitlaq minn Houjarray biex imur fi Vjal Foch f'Pariġi fejn kien waqqaf l-uffiċċji tal-Kumitat ta' Azzjoni għall-Istati Uniti fl-Ewropa. Iżda kien f'daru li kien iħobb jitkellem quddiem in-nar ma' ġurnalisti u ma' editorjalisti ewlenin tal-istampa internazzjonali dwar il-futur tal-Ewropa. Kien ukoll f'Houjarray li Jean Monnet beda jħejji l-ktieb "Memoirs" li ġie ppubblikat fl-1976.
Lil hinn minn dan l-ambjent akkoljenti, permezz ta' xogħlu Monnet kien qed jikseb ir-rikonoxximent kbir madwar il-kontinent: fl-1975, il-President (Franċiż) tal-Parlament Ewropew Georges Spènale ppreżentalu l-Great Gold Medal tal-Parlament Ewropew għall-kontribuzzjoni deċiżiva tiegħu għall-kostruzzjoni ta' Ewropa magħquda. Houjarray kompla jkollu tifsira f'ħajtu: kien ukoll hawnhekk li Monnet sar jaf bid-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li ttieħdet fl-1976 li jiġi ddikjarat "ċittadin tal-unur tal-Ewropa". Monnet miet f'daru fis-16 ta' Marzu 1979, u huwa midfun fiċ-ċimiterju żgħir ta' Bazoches-sur-Guyonne.
Isma' l-podcast
Dar ħelwa bis-saqaf tat-tiben u bil-purtelli ċelesti, imkennija f'park mimli siġar qrib Pariġi. Kif tista' timmaġina li f'din id-dar tal-familja tfasslu l-futur tal-Ewropa u postha fuq ix-xena internazzjonali? Madankollu, din id-dar kienet l-isfond tal-ħajja u l-ħidma ta' wieħed mill-arkitetti tal-Unjoni Ewropea tal-lum: Jean Monnet