- Wirja: Dar Jean Monnet
- Inħarsu d-dar ta' Houjarray għall-ġenerazzjonijiet futuri
Wara l-mewt ta' Jean Monnet, il-President tal-Parlament Ewropew, Emilio Colombo, ħa l-passi biex id-dar ta' Houjarray tinxtara bħala parti mill-wirt storiku u kulturali komuni tal-Ewropej. Dawk qrib Monnet qalu li, ftit qabel mewtu, kien talab li d-dar xi darba għandha tintuża biex tilqa' liż-żgħażagħ. Il-Parlament Ewropew ħadem biex jonora din it-talba u joħloq spazju ta' edukazzjoni, konnessjoni u diskussjoni għall-Ewropa kollha. Il-kuntratt tal-bejgħ bejn il-werrieta ta' Monnet u l-Parlament ġie ffirmat fis-7 ta' Diċembru 1982.
Il-Parlament Ewropew jaf kemm hu importanti li jingħata kontribut lill-preservazzjoni tal-wirt storiku Ewropew u li tiġi onorata l-memorja ta' wieħed mill-missirijiet fundaturi tal-Ewropa. L-għan tiegħu huwa li din id-dar tkun punt fokali emblematiku u dar għall-ispirtu Ewropew tal-integrazzjoni. Wara r-rinnovazzjoni tar-razzett, ġie deċiż li għandu jsir spazju fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu, jiddibattu u jitgħallmu dwar l-integrazzjoni Ewropea. Ma kienx il-Parlament biss li kien ispirat biex ikompli l-legat ta' Jean Monnet: sħabu l-antiki ddeċidew li joħolqu l-Association des Amis de Jean Monnet f'Pariġi, bl-għan li jiġġeddu l-memorja ta' Monnet, xogħlu u t-tagħlim tiegħu.
Dar Jean Monnet malajr ġiet ittrasformata f'mużew iddedikat għall-ħajja tas-sid preċedenti u għall-funzjonament tal-Komunità Ewropea, u nfetħet għall-pubbliku fl-1987 fil-preżenza tal-Presidenti preċedenti tal-Parlament Ewropew Pierre Pfimlin u Simone Veil. Fiċ-ċentenarju tat-twelid tiegħu, l-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropej iddikjaraw is-sena 1988 bħala s-"Sena Ewropea Jean Monnet", u f'dik l-istess sena l-irmied tiegħu ġew trasferiti fil-Panthéon fuq proposta tal-President Franċiż François Mitterrand. Fl-1990, ġie ffirmat ftehim bejn l-Association des Amis de Jean Monnet u l-Parlament Ewropew, li permezz tiegħu l-assoċjazzjoni ngħatat f'idejha t-tmexxija u l-ġestjoni tas-sit taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju ta' Informazzjoni tagħha f'Pariġi.