- Wirja: Dar Jean Monnet
- Jean Monnet, missier fundatur tal-Ewropa
Imwieled fl-1888, Jean Monnet qatta' ħajtu jaħdem biex jgħaqqad liċ-ċittadini Ewropej u llum huwa meqjus bħala figura ċentrali fl-istorja tal-integrazzjoni Ewropea. Huwa beda jaħdem fil-kumpanija tan-negozju tal-cognac tal-familja tiegħu iżda wara ftit involva ruħu f'organizzazzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn il-potenzi Alleati matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Imbagħad inħatar bħala viċi segretarju ġenerali tal-Lega tan-Nazzjonijiet qabel ma beda karriera bħala bankier internazzjonali. Wara li fl-Ewropa reġa' kien hemm gwerra fl-1940, Monnet ippropona l-ħolqien ta' Unjoni Franko-Brittanika li kellha tgħaqqad kompletament liż-żewġ pajjiżi bħala mod biex jingħelbu n-Nazisti. Għalkemm dan il-proġett ma rnexxiex, Monnet kompla jiġġieled għad-demokrazija u sar il-kap tal-Victory Programme f'Washington, D.C.
Wara l-1945, Monnet kien responsabbli għall-Kummissjoni Ġenerali tal-Bord Nazzjonali Franċiż għall-Ippjanar, u kien jemmen li l-prosperità u s-sigurtà tal-pajjiż setgħu jiffunzjonaw biss permezz tat-tqarrib ekonomiku tal-istati Ewropej. Minħabba li l-Gwerra l-Bierda malajr kellha effett fuq is-soċjetà, kien jaf li l-uniku mod biex tinħoloq solidarjetà ġenwina bejn is-sħab Ewropej kien li jiġi żgurat il-ħolqien ta' Ewropa funzjonali permezz ta' integrazzjoni profonda f'setturi fundamentali. B'dan il-mod, ġew stabbiliti is-sisien tal-'metodu Monnet': li jittieħdu passi żgħar flimkien u li s-sovranità tiġi ttrasferita lil entitajiet supranazzjonali. Dan il-metodu rrikjeda persważjoni persistenti, il-kisba konġunta ta' interessi komuni u sens kbir ta' organizzazzjoni.
Fl-1950, Monnet issuġġerixxa lil Robert Schuman, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta' Franza, li l-industriji tal-faħam u l-azzar tal-pajjiżi tal-Punent tal-Ewropa għandhom jitqiegħdu taħt reġim komuni u li għandha tiġi stabbilita Awtorità Għolja biex tamministra lil dawn is-setturi ta' importanza strateġika b'mod dirett u indipendenti. Billi aġixxiet fl-interess ta' kulħadd, l-Awtorità Għolja opponiet b'mod effettiv l-interess nazzjonali. It-twaqqif ta' għaqda fis-settur tal-faħam u tal-azzar kien jagħmel gwerra Franko-Ġermaniża oħra inkonċepibbli u materjalment impossibbli u b'hekk kienet tiġi evitata ripetizzjoni tal-orruri li l-Ewropa kienet għadha kif esperjenzat. Din il-ħolma saret realtà bil-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) fl-1951: għal Monnet, dan kien l-ewwel pass lejn "Stati Uniti tal-Ewropa".
Bħala l-ewwel President tal-Awtorità Għolja tal-KEFA fil-Lussemburgu, Jean Monnet kien impenjat bis-sħiħ favur il-Komunità tad-Difiża Ewropea, li ttama li toħloq armata Ewropea fi ħdan qafas politiku ġdid. Madankollu, il-falliment ta' dan il-proġett minħabba l-biża' ta' Franza li titlef is-sovranità nazzjonali, wasslu biex jirriżenja u jwaqqaf il-Kumitat ta' Azzjoni għall-Istati Uniti tal-Ewropa fl-1955 biex ikompli l-ġlieda. Dan il-Kumitat aġixxa bħala lobby biex jippromwovi l-kisbiet konkreti għal Ewropa magħquda għal iktar minn 20 sena billi laqqa' flimkien lil kapijiet politiċi u tat-trade unions. Monnet ispira l-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom), u kien ukoll favur is-sħubija tar-Renju Unit fil-Komunitajiet Ewropej u l-ħolqien ta' munita Ewropea komuni. Huwa ta appoġġ lill-ħolqien tal-Kunsill Ewropew tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern fl-1974 fejn għaqqad lill-kapijiet Ewropej flimkien għall-ġid taċ-ċittadini Ewropej kollha. Jean Monnet miet fl-1979, ftit xhur qabel l-ewwel elezzjonijiet Ewropej li kien ilu jappella għalihom.