- Wirja: Dar Jean Monnet
- Futur imġedded għall-post tal-laqgħat tal-Ewropa
Il-Parlament Ewropew qed jiżgura li dan il-post storiku fejn twieldet l-integrazzjoni Ewropea jibqa' jkollu rwol importanti fil-futur tal-Ewropa. Bejn l-2012 u l-2022, saru ħafna trasformazzjonijiet fil-bini, u sar xogħol biex is-sala tal-konferenzi titkabbar u biex il-park madwar id-dar jiġi ttrasformat biex jinħoloq spazju fejn iċ-ċittadini jistgħu jiltaqgħu u jesploraw il-ħajja u l-ideat ta' Monnet.
Id-dar issa tilqa' lil firxa wiesgħa ta' viżitaturi minn madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, li jgawdu din l-esperjenza edukattiva siewja fl-ambjent uniku ta' Houjarray. Diversi eluf ta' persuni jiġu kull sena għal żjarat gwidati, attivitajiet edukattivi, konferenzi, workshops tematiċi u seminars ta' riċerka, filwaqt li l-ftehim ta' kooperazzjoni mar-Reġjun ta' Île-de-France qiegħed joħloq sħubijiet mal-iskejjel u maż-żgħażagħ. Id-Dar tilqa' wkoll lil mistednin minn madwar id-dinja permezz tal-Programm ta' Żjarat tal-Unjoni Ewropea.
Fl-2013, il-Ministeru tal-Kultura ta Franzata lid-Dar Jean Monnet it-titolu "Maison des Illustres", titolu riżervat għal postijiet li jippreservaw u jittrażmettu l-memorja ta' personalitajiet importanti. Il-mużew ta' din id-dar jesplora l-kontribut vitali ta' Monnet għall-kostruzzjoni ta' Ewropa magħquda, u jagħti wkoll ħarsa lejn il-ħajja privata tiegħu. Il-wirja interattiva tippreżenta l-karattru u l-vjaġġ ta' Monnet fil-kuntest storiku tagħhom, u dan jippermetti lill-viżitaturi jesploraw il-kunċetti kruċjali tal-identità u l-għaqda Ewropea fl-istess post fejn ġew maħluqa. L-attivitajiet multimedjali jesploraw ukoll ir-rilevanza ta' Monnet għas-soċjetà moderna tagħna, u juru kif Jean Monnet sawwar l-Ewropa kif nafuha llum u kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jinfluwenzaw il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini.
Dar Jean Monnet hija parti min-Network tal-Parlament Ewropew ta' Djar u Fondazzjonijiet Politiċi ta' Persunaġġi Ewropej Illustri, li l-għan tiegħu huwa li jiżviluppa l-iskambji u l-kooperazzjoni, partikolarment fil-qasam tar-relazzjonijiet maċ-ċittadini. Taħt it-tmexxija tal-Parlament Ewropew, il-post jgħin biex jagħti valur lill-memorja ta' storja politika komuni. F'Jannar 2020 il-Presidenti rispettivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropew iltaqgħu kollha f'Houjarray biex jirriflettu dwar l-isfidi futuri tal-Ewropa, postha fid-dinja, u l-ambizzjonijiet klimatiċi u diġitali tal-UE. B'guesthouse ġdida, il-post huwa qisu "Camp David" għall-Parlament Ewropew, fejn mexxejja ewlenin jistgħu jiltaqgħu u jiddibattu fil-post li fih twieldet l-għaqda Ewropea.
Houjarray sar ukoll is-sede tal-Akkademja Jean Monnet, li tipprovdi bosta programmi ta' taħriġ vokazzjonali għall-persunal tal-Parlament Ewropew biex jgħinuhom jaqdu aħjar lill-pubbliku Ewropew. Minbarra l-laqgħat tal-Bureau tal-Parlament Ewropew, Dar Jean Monnet tospita konferenzi xjentifiċi internazzjonali fi ħdan il-qafas tas-seminars Jean Monnet. Torganizza wkoll laqgħat fi ħdan il-qafas tad-Djalogu Jean Monnet għall-Paċi u d-Demokrazija biex jiġu pprovduti tweġibiet għal sitwazzjonijiet ta' tensjoni politika f'pajjiżi bħall-Ukrajna, is-Serbja u l-Maċedonja ta' Fuq. Dawn id-djalogi importanti jsiru skont il-prinċipji li ddefinew kif Jean Monnet innifsu kien jaħdem: il-pragmatiżmu, l-azzjoni konkreta u l-enfasi fuq id-djalogu sabiex jinkisbu riżultati b'kunsens.
Dawn l-inizjattivi kollha qed jaħdmu bl-istess objettiv: biex Dar Jean Monnet tinżamm bħala post ta' memorja, laqgħat u ispirazzjoni fejn l-idea Ewropea hija inkorporata u fejn iċ-ċittadini jistgħu jitgħallmu dwar l-istorja, il-funzjonament u l-isfidi tal-Unjoni Ewropea. Bis-saħħa tal-Parlament, id-dar ta' Houjarray issa hija ppreservata għall-ġenerazzjonijiet futuri bħala post ta' edukazzjoni, konnessjoni u medjazzjoni, li jxerred il-valuri fundamentali ta' Monnet ta' paċi u solidarjetà fost iċ-ċittadini madwar l-Ewropa.