Insawru l-Ewropa
Jinbidlu l-fruntieri tal-Ewropa: Is-snin disgħin
Nimmaġinaw il-futur f’Ewropa definita mill-ġdid
Nimmaġinaw il-futur f’Ewropa definita mill-ġdid
L-iżvilupp ta’ Ewropa mingħajr fruntieri kompla fis-snin disgħin, b’aktar espansjoni, it-tnedija tas-suq uniku, l-ivvjaġġar mingħajr fruntieri, u l-euro. Kif irreaġixxew il-votanti fl-elezzjonijiet?
1994: Ewropa ġdida bi Trattat ġdid
Mill-aħħar elezzjonijiet, id-dinja mal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea ma baqgħetx tingħaraf. Il-Ġermanja kienet ingħaqdet mill-ġdid filwaqt li l-firda tal-Jugoslavja qanqlet tensjonijiet li wasslu għal gwerer vjolenti għall-parti l-kbira tad-deċennju ta’ wara.
Il-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin fid-9 ta’ Novembru 1989 ġiet stimulata permezz ta’ dimostrazzjonijiet paċifiċi u marċi ta’ protesta minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Ġermanja tal-Lvant li kienu għadhom kif ġew stabbiliti. Ir-rivoluzzjoni paċifika kienet inkorporata f’katina ta’ avvenimenti li jvarjaw mill-moviment Solidarność fil-Polonja, il-Piknik Pan-Ewropew fl-Ungerija u r-Rivoluzzjoni tal-Bellus fiċ-Ċekoslovakkja, għall-Mixja Baltika kif ukoll ir-rivoluzzjoni vjolenti fir-Rumanija. Madwar l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, in-nies niżlu fit-toroq biex, b’mod paċifiku u f’unità, jiġġieldu għad-demokrazija, il-libertà tal-moviment u l-istat tad-dritt.
Fi ħdan l-UE, l-integrazzjoni kompliet. It-Trattat ta’ Maastricht ġie ffirmat – pass fundamentali. Dan it-Trattat stabbilixxa regoli ċari għall-munita unika futura kif ukoll għall-politika barranija u ta’ sigurtà flimkien ma’ kooperazzjoni aktar mill-qrib fir-rigward tal-ġustizzja u l-affarijiet interni. Il-Parlament kiseb rwol akbar fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet bl-introduzzjoni tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew issa kellu japprova l-Kummissjoni Ewropea qabel ma tibda l-mandat tagħha.
Is-suq uniku beda bi 12-il Stat Membru tal-UE fl-1993. Dan is-suq beda jgħin lin-nies, oġġetti, servizzi u kapital jiċċaqilqu bejn dawn il-pajjiżi. Illum il-ġurnata, is-suq uniku jkopri s-27 Stat Membru tal-UE kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.
Għall-ewwel darba, iċ-ċittadini tal-UE setgħu jivvutaw fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, anke jekk ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ dak il-pajjiż. Il-fatt li ċ-ċittadini tħallew jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom, irrispettivament minn fejn jgħixu fl-UE, kien pass ’il quddiem lejn demokrazija verament Ewropea.
1999: Jixxejnu l-fruntieri fl-Ewropa
Il-votanti mill-Awstrija, il-Finlandja, u l-Iżvezja ħadu sehem fl-elezzjonijiet tal-UE għall-ewwel darba.
F’Marzu 1999, il-Kummissjoni Ewropea taħt il-President Jacques Santer irriżenjat wara li saritilha pressjoni mill-Parlament Ewropew.
It-Trattat ta’ Amsterdam daħal fis-seħħ f’Mejju 1999. Dan it-Trattat issimplifika u wessa’ l-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ta’ kodeċiżjoni, u b’hekk il-Parlament sar koleġiżlatur mal-Kunsill f’ħafna oqsma. Sadanittant, it-tkabbir lejn l-Ewropa tal-Lvant kien jinsab fl-orizzont.
Il-Ftehim ta’ Schengen (1995) daħal fis-seħħ fl-ewwel seba’ pajjiżi tiegħu — il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja. Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, il-vjaġġaturi setgħu jiċċaqilqu bejn dawn il-pajjiżi mingħajr kontrolli tal-passaport fil-fruntieri.
L-ogħla prijorità għall-votanti kien l-impjieg, segwita mill-azzjoni għall-ġlieda kontra d-droga u l-kriminalità, u mbagħad mill-politika dwar l-ambjent u l-konsumatur. Il-kriżi fil-Kosovo wkoll kienet kwistjoni ewlenija għall-pubbliku.