- Wirja: Il-Parlament Ewropew: 70 sena ta’ demokrazija Ewropea fl-azzjoni
- Il-kelliem taċ-ċittadini Ewropej
Fil-kapaċità tiegħu ta’ assemblea eletta, il-Parlament Ewropew illum jirrappreżenta l-interessi ta’ kważi 450 miljun ċittadin. Sa mill-ħolqien tiegħu, il-Parlament iddikjara li għandu kompetenza biex jilqa’ lmenti u suġġerimenti mingħand iċ-ċittadini tal-Istati Membri u stabbilixxa l-proċeduri partikolari għalih għas-sottomissjoni u għall-eżaminazzjoni tal-petizzjonijiet. Għall-Membri tal-Parlament Ewropew, dawn huma element essenzjali tad-demokrazija parteċipattiva u mezz ta’ kif jikkomunikaw maċ-ċittadini, ta’ kif iressquhom lejn l-Ewropa u mezz ta’ kif ifittxu soluzzjonijiet għall-problemi tagħhom.
F’nofs is-snin 70, il-Parlament ippropona li jkun hemm Ombudsman Ewropew. L-għan kien li jsaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Iżda laħqu għaddew għoxrin sena sa ma l-Parlament ħatar l-ewwel Ombudsman Ewropew biex jeżamina l-ilmenti ta’ ċittadini Ewropej dwar każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Il-Parlament dejjem qiegħed hemm lest biex jisma’ liċ-ċittadini u lill-eletturi, speċjalment bis-saħħa tal-uffiċċji ta’ kollegament li l-Parlament għandu f’kull wieħed mis-27 Stat Membru. Kull sena jirċievi eluf ta’ mistoqsijiet u ta’ talbiet minn ċittadini li jesprimu wkoll l-opinjoni tagħhom fuq il-kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet u l-funzjonament tagħha.
Il-Parlament ilu aktar minn għaxar snin jikkontribwixxi biex l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (IĊE) issir għodda ta’ demokrazija parteċipattiva aktar aċċessibbli u ffukata fuq iċ-ċittadini. Peress li jixtieq jissemplifika l-proċeduri relatati mal-IĊE u fl-istess waqt isaħħaħ l-impatt tagħha, il-Parlament ħadem b’mod partikolari biex iċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ appoġġ lil inizjattiva jew oħra.