- Wirja: Il-Parlament Ewropew: 70 sena ta’ demokrazija Ewropea fl-azzjoni
- Il-Parlament Ewropew jisma' lis-soċjetà ċivili
Il-Parlament Ewropew jinsab fil-qalba tar-rappreżentazzjoni tas-soċjetà ċivili. Huwa malajr żviluppa spazji ta’ djalogi miftuħa mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jiġġieled it-tnaqqis tad-demokrazija tal-Ewropa li qiegħed jinħoloq.
F’dan ir-rigward, il-Parlament jikkontribwixxi biex fl-Ewropa jkun hemm spazju pubbliku. Is-seduti ta’ smigħ pubbliku, li inizjalment inħolqu bħala mezz li jinforma lill-Membri tal-Parlament Ewropew dwar il-bżonnijiet u l-aspettattivi tas-soċjetà, ikkontribwew ukoll biex il-Membri jtejbu l-għarfien espert tagħhom. Huma jagħmlu parti mid-dibattitu medjatiku billi joffru pjattaforma biex ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jesprimu ruħhom.
Maż-żmien, il-Parlament żviluppa għodod oħra ta’ komunikazzjoni deċentralizzata mas-soċjetà ċivili u mal-imsieħba soċjali. B’mod partikolari hemm il-fora taċ-ċittadini li jippermettu li jissawru l-interazzjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u dawk lokali. Imbagħad il-Parlament ħoloq Agorà taċ-ċittadini bl-għan li joffri spazju fejn iseħħu konsultazzjonijiet u djalogi bejn id-diversi atturi tas-soċjetà ċivili organizzata. Bil-kontribut attiv tiegħu fil-bidu tas-snin 2000 fil-ħidma relatata mal-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa, għal darb’oħra l-Parlament ħa inkunsiderazzjoni l-pożizzjonijiet espressi mis-soċjetà ċivili, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, fit-test li sar it-Trattat ta’ Liżbona.
Fl-2021 u fl-2022, il-Parlament mill-ġdid kellu r-rwol ta’ tmexxija f'dan il-qasam. Fil-fatt, huwa laqa’ fi Strażburgu l-plenarji tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li, f’eżerċizzju ta’ demokrazija parteċipattiva li kien għadu qatt ma twettaq, ippermetta liċ-ċittadini Ewropej kollha, lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u dwar l-isfidi li qed tiffaċċja.
Il-Parlament: 70 sena ta' demokrazija Ewropea fl-azzjoni
L-ewwel sessjoni tal-Assemblea Komuni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar saret sebgħin sena ilu fi Strażburgu. Din is-sessjoni tat bidu għall-Parlament Ewropew kif nafuh illum.