- Wirja: Il-Parlament Ewropew: 70 sena ta’ demokrazija Ewropea fl-azzjoni
- Id-difiża tal-valuri tal-Unjoni Ewropea
Għall-Parlament Ewropew, il-ħolqien ta’ Ewropa magħquda huwa bbażat fuq valuri u prinċipji essenzjali li jgħaqqdu lill-pajjiżi u lill-popli: ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, għal-libertà, għad-demokrazija, għall-ugwaljanza, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari dawk tal-minoranzi.
Saħansitra qabel l-elezzjoni tiegħu tal-1979, il-Parlament kien jippromwovi d-drittijiet fundamentali fit-twettiq tas-setgħat tiegħu. Għall-Membri tal-Parlament Ewropew, dan kien jikkonferma l-għan politiku tal-ħolqien ta’ Ewropa magħquda. Għal dawn l-aħħar tletin sena, kull sena l-Parlament organizza dibattitu u adotta riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea.
Peress li dejjem talbu biex l-Unjoni Ewropea tikkodifika d-drittijiet taċ-ċittadini, il-Membri tal-Parlament Ewropew qiesu li huwa importanti li kulħadd ikun konxju tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali li huma ggarantiti lilu. Għaldaqstant insistew biex ikun hemm sistema ta’ rimedju biex kulħadd ikun jista’ jinvoka xi ksur eventwali ta’ xi dritt jew libertà minnhom.
B’hekk, fil-bidu tas-snin 2000, ir-rappreżentanti tal-Parlament kellhom rwoli ewlenin fit-tfassil tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għall-ewwel darba, xi Membri tal-Parlament Ewropew ingħaqdu ma’ membri ta’ parlamenti nazzjonali, ma’ rappreżentanti tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern u mal-Kummissjoni Ewropea biex jifformulaw test ta’ natura kostituzzjonali.
Minn dawn l-iskambji nħolqot Karta. Il-Karta telenka l-valuri komuni u d-drittijiet imfassla abbażi ta’ għadd ta’ prinċipji essenzjali: id-dinjità tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza bejn il-persuni, is-solidarjetà, iċ-ċittadinanza u l-ġustizzja, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.
Aktar reċentement, imħasseb b’rigress fid-demokrazija u bit-tnaqqir progressiv tal-valuri tal-Unjoni Ewropea f’ċerti Stati Membri, il-Parlament appoġġja xi sanzjonijiet. Minbarra dan, huwa ħoloq grupp ta’ monitoraġġ tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea.