- Wirja: Il-Parlament Ewropew: 70 sena ta’ demokrazija Ewropea fl-azzjoni
- Il-Parlament Ewropew jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa u fid-dinja kollha
Sabiex juri aħjar il-vokazzjoni demokratika tiegħu għall-proġett Ewropew, il-Parlament impenja ruħu minn kmieni favur il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali. Għall-Membri tal-Parlament Ewropew, il-ġlieda għal dawn id-drittijiet hija ġlieda universali. Minn kmieni huma esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, u dan b’mod indipendenti mill-fruntieri u mir-reġimi fis-seħħ.
B’hekk, huma ddefendew il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi taħt il-ħakma Sovjetika, fir-reġimi awtoritarji tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa jew suġġetti għad-dittatorjati militari f’ċerti pajjiżi li kienu qed jiżviluppaw.
Kien il-Parlament Ewropew li, fil-bidu tas-snin 60, stabbilixxa lill-garanzija tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali u r-rispett tad-demokrazija fil-pajjiżi kandidati bħala waħda mill-kundizzjonijiet għall-adeżjoni mal-Komunità Ewropea. Barra minn hekk, huwa għamel kull sforz biex jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tiegħu mal-pajjiżi terzi, inkluż fir-relazzjonijiet kummerċjali.
Fl-aħħar nett, fl-1988 il-Parlament ħoloq il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb, mogħti kull sena fi Strażburgu lil irġiel u nisa minn madwar id-dinja kollha li jiġġieldu għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni.