- Wirja: Il-Parlament Ewropew: 70 sena ta’ demokrazija Ewropea fl-azzjoni
- Spazju demokratiku tranżnazzjonali
Il-Parlament Ewropew għandu 70 sena. Matul is-snin, l-istituzzjoni għaddiet minn diversi trasformazzjonijiet. Mill-1952 ’il hawn, il-Parlament stabbilixxa ruħu bħala istituzzjoni b’saħħitha u indipendenti li llum għandha rwol politiku ċentrali fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-Parlament huwa l-unika istituzzjoni tal-Unjoni li, għal aktar minn tletin sena, is-setgħat tagħha baqgħu jikbru b’mod kontinwu.
Il-Parlament ilu jiġi elett permezz tas-suffraġju universali dirett mill-1979, u jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini Ewropej kollha. Is-705 membri tiegħu, li jiġu eletti kull ħames snin, jitkellmu f’isem kważi 450 miljun ċittadin.
Il-Parlament huwa l-ispazju l-aktar importanti ta’ skambju ta' fehmiet, fejn ir-realtajiet politiċi Ewropej jikkonfrontaw lil xulxin bl-għan li jaqdu lid-demokrazija. Il-Parlament għandu multilingwiżmu uniku, li juri perfettament id-diversità tal-Ewropa. Huwa jippromwovi wkoll il-libertà ta’ espressjoni u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa u fid-dinja.
Il-Parlament jaħdem għat-tisħiħ dinamiku ta’ Ewropa bbażata fuq il-liġi, fuq il-valuri, fuq l-ugwaljanza u fuq l-ekwità. Hu jirrappreżenta d-demokrazija Ewropea fl-azzjoni. Għandu s-sede uffiċjali tiegħu fi Strażburgu, u b’hekk il-Parlament jikkontribwixxi biex din il-belt ta’ Alsace tkun il-kapitali parlamentari tal-Ewropa magħquda.