- Wirja: Il-Parlament Ewropew: 70 sena ta’ demokrazija Ewropea fl-azzjoni
- Il-Parlament fl-azzjoni
Permezz tal-ħidma tal-kumitati parlamentari permanenti u temporanji, il-Parlament Ewropew iħejji u jiffavorixxi miżuri li jkollhom effetti reali fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u tal-intrapriżi. L-attivitajiet tiegħu jagħmlu parti mill-funzjonament tas-suq intern fl-Ewropa fejn in-nies, l-oġġetti, is-servizzi u l-kapital jistgħu jiċċirkolaw liberament.
Permezz tad-deċiżjonijiet, il-proposti u d-deliberazzjonijiet tiegħu, illum il-Parlament jaqdi rwol essenzjali f’ħafna oqsma tassew varjati, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-passiġġieri tal-modi kollha ta’ trasport, il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard u saħansitra l-aċċess għall-mediċini u l-apparat mediku.
Dawn l-oqsma ma jinkludux biss is-sigurtà tal-ikel, it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tad-drittijiet soċjali, il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul, iżda jinkludu wkoll l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, it-tnaqqis tal-faqar, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tal-minoranzi u anke l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-persuni soċjalment żvantaġġati.
Permezz tal-azzjonijiet tiegħu, il-Parlament jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-politika industrijali tal-Unjoni Ewropea, għall-iżvilupp tal-għodod diġitali u l-aċċessibilità tagħhom, għaċ-ċibersigurtà, għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, għall-iżvilupp tar-riċerka u għall-innovazzjoni. Hu għandu l-għan li jnaqqas il-konsum tal-enerġija u l-ħela, jippromwovi l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u r-rispett tal-objettivi klimatiċi u ambjentali ambizzjużi.
Hu jipparteċipa wkoll għall-promozzjoni tad-diversità kulturali, għall-istabbiliment ta’ sistema komuni tal-ażil fl-Ewropa, għat-tnaqqis tal-immigrazzjoni illegali u għall-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli, għall-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja u għall-kooperazzjoni fil-qasam ċivili u anke għall-ġlieda kontra l-kriminalità, il-korruzzjoni u t-terroriżmu fl-Unjoni Ewropa.