- Wirja: Il-Parlament Ewropew: 70 sena ta’ demokrazija Ewropea fl-azzjoni
- 70 sena ta’ preżenza fi Strażburgu
Dar il-Parlament Ewropew ilha mill-1952 fi Strażburgu, fejn kull xahar jorganizza s-sessjonijiet plenarji tiegħu. Għall-belt kapitali ta’ Alsace, li l-vokazzjoni Ewropea tagħha hija waħda antika, l-istabbiliment tal-Parlament jissimbolizza gratitudni. Hija tikkonferma wkoll l-importanza tar-rikonċiljazzjoni bejn Franza u l-Ġermanja u r-rinunzja tal-ġlied armat li għal żmien twil demmem il-kontinent Ewropew.
Madankollu, kien biss fl-1992 li l-Istati Membri ddeċidew li jagħmlu Strażburgu s-sede uffiċjali tal-Parlament Ewropew. Sabiex ikollha aktar qawwa, din id-deċiżjoni ddaħħlet fit-Trattat ta’ Amsterdam fl-1997. Allura r-rwol tagħha bħala l-belt kapitali parlamentari tal-Ewropa kompla jissaħħaħ.
Iż-żieda tas-setgħa tal-Parlament Ewropew kellha konsegwenzi importanti fuq din il-belt kbira ta’ Alsace, partikolarment għax saħħet il-viżibilità tagħha fix-xena Ewropea u dik internazzjonali. Għaliex bis-saħħa tal-Parlament, ftit ftit in-nies bdew imorru Strażburgu: l-assemblea ilha 70 sena taġixxi bħala l-vuċi qawwija tas-sitwazzjoni politika internazzjonali. Iż-żjarat uffiċjali tal-Kapijiet ta’ Stat huma okkażjoni biex jiġbdu l-attenzjoni tal-media u tal-opinjoni pubblika dwar ir-rwol u l-vokazzjoni ta’ istituzzjoni unika fid-dinja.
Sa mill-1999, il-preżenza tal-Parlament fi Strażburgu hija personifikata fil-binja Louise Weiss li fiha jinsab l-emiċiklu tiegħu, l-ikbar wieħed fl-Ewropa. Bħal qisha bastiment, kompletament magħmula bil-ħġieġ u li tinsab fuq ix-xtut tax-Xmara Ill, il-binja tagħmel parti mill-pajsaġġ arkitetturali ta’ Strażburgu. Hija l-espressjoni ta’ demokrazija miftuħa u trasparenti. Il-parti ta’ fuq tal-binja, li tagħti l-impressjoni li mhijiex lesta, tissimbolizza proġett Ewropew li jinsab dejjem fi stadju ta’ kostruzzjoni. It-torri tal-binja l-ġdida jinsab perfettament fid-direzzjoni ċentrali tal-Katidral ta’ Strażburgu sabiex jirrifletti dan il-monument li huwa element integrali tal-identità storika tal-belt kapitali ta’ Alsace.