- Wirja: L-Emiċiklu
- L-Emiċikli: Strażburgu
Il-belt ta’ Strażburgu ilha mill-1952 id-dar tal-Parlament Ewropew u tas-sessjonijiet plenarji tiegħu li jseħħu kull xahar. L-istabbiliment tas-sede tal-Parlament fil-belt kapitali tar-reġjun tal-Alsace, Strażburgu - li hija tant kburija bil-vokazzjoni Ewropea tagħha li ilha teżisti snin twal - jitfa’ enfasi fuq l-importanza tar-rikonċiljazzjoni Franko-Ġermaniża u l-waqfien tal-kunflitti armati li xerrdu tant dmija fil-kontinent Ewropew għal żmien twil.
Maison de l’Europe
Fl-1952, l-Assemblea Komuni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar organizzat is-sessjoni inawgurali tagħha fil-Maison de l’Europe. Fl-1958, l-Assemblea Parlamentari Ewropea tal-Komunitajiet Ewropej il-ġodda (aktar ’il quddiem saret tissejjaħ il-Parlament Ewropew) organizzat l-ewwel sessjoni plenarja tagħha fi Strażburgu.
Willy Brandt, Kanċillier tal-Ġermanja tal-Punent, indirizza l-plenarja fil-Maison de l’Europe fl-1973.
L-unifikazzjoni tal-Ewropa mhijiex biss kwistjoni li tirrigwarda l-kwalità tal-eżistenza tagħna. Hija kwistjoni ta’ sopravvivenza bejn il-ġganti u fid-dinja kiefra tan-nazzjonaliżmi l-antiki u dawk ġodda. ... Ippermettuli issa nitkellem dwar l-unifikazzjoni Ewropea u ngħid xi ħaġa li ma kontx ngħidha b’dan il-mod għaxar snin ilu: aħna kapaċi noħolqu l-Ewropa, u hekk se nagħmlu!
Willy Brandt, 13 ta’ Novembru 1973
Palais de l’Europe
Matul is-snin, is-sessjonijiet plenarji saru f’diversi siti madwar il-belt. Il-Palais de l’Europe fi Strażburgu ġie inawgurat fl-1977.
Fit-12 ta’ Mejju 1992, ir-Reġina Eliżabetta II żaret il-Parlament Ewropew fi Strażburgu.
Il-bini WEISS
Minn mindu nfetaħ fl-1999, il-bini WEISS, li huwa msemmi għal Louise Weiss u jospita l-emiċiklu ikoniku, kien u għadu l-inkarnazzjoni tal-preżenza tal-Parlament fi Strażburgu. Dan il-bini huwa l-espressjoni fiżika ta’ demokrazija miftuħa u trasparenti. Il-parti ta’ fuq tal-bini, li għadha tidher bħallikieku mhux mitmuma, tirrappreżenta n-natura kontinwa tal-proġett Ewropew.
Il-ħajja ta’ Louise Weiss hija waħda ta’ azzjoni. Hija qattgħet kważi 70 sena fuq quddiem nett tat-taqtigħat politiċi fl-Ewropa. Fl-1999, il-Parlament Ewropew ta ġieħ lil Louise Weiss billi semma għaliha l-bini li fih hemm il-Kamra Parlamentari u l-uffiċċji tal-Membri fi Strażburgu.
Inħoss li l-esperjenza tiegħi matul dan is-seklu u l-vjaġġi tiegħi madwar id-dinja kienu destinati li jilħqu l-milja tagħhom fil-laqgħa tiegħi magħkom illum: ġejt fostkom bħala waħda li tħobb l-Ewropa.
Louise Weiss, 17 ta’ Lulju 1979