- Wirja: L-Emiċiklu
- L-Emiċikli: Il-Lussemburgu
Il-bini Schuman
Wara l-inawgurazzjoni tal-bini Schuman fil-Lussemburgu fl-1973, il-Parlament fl-aħħar kellu l-bini tiegħu stess b’emiċiklu għas-sessjonijiet plenarji tiegħu. L-emiċiklu kien jintuża regolarment għas-sessjonijiet plenarji fis-snin sebgħin, iżda meta n-numru ta’ Membri tal-PE żdied wara l-elezzjonijiet diretti fl-1979, il-kamra tad-dibattiti b’208 siġġijiet ma baqgħetx kbira biżżejjed.
Bejn l-1973 u l-1979, l-emiċiklu tal-bini Schuman ospita 35 laqgħa tal-Parlament Ewropew, ippreseduti minn erba’ presidenti differenti.
Fl-14 ta’ Jannar 1975, fl-Emiċiklu Schuman fil-Lussemburgu, il-Parlament adotta r-rapport tal-Membru tal-PE Schelto Patijn fuq l-abbozz ta’ konvenzjoni dwar l-elezzjoni tal-membri tal-assemblea b’vot dirett universali.
Is-sinifikat politiku reali tal-elezzjonijiet diretti Ewropej jinsab [...] fil-fatt li dawn tabilħaqq iseħħu.
Schelto Patijn, 14 ta’ Jannar 1975
Klenge Kueb
Fl-1978, il-Gvern Lussemburgiż issottometta proġett ambizzjuż biex jinbena “Centre 300” f’Kirchberg biex jospita l-akbar kamra tal-plenarja fl-Ewropa, li kien se jkollha post għal 600 Membru. Minħabba l-iskala u l-ispejjeż tiegħu, il-proġett qajjem kontroversja mqanqla; minħabba l-pressjoni li saret mill-pubbliku, il-gvern iddeċieda li jabbanduna dan il-proġett.
Minflok, il-gvern ħoloq bini amministrattiv. Fl-1979, il-“Klenge Kueb” infetaħ uffiċjalment u serva bħala post għas-sessjonijiet plenarji tal-Parlament sal-1981.