- Wirja: L-Emiċiklu
- Kif taħdem il-plenarja
Is-seduti plenarji huma l-aktar parti importanti tal-attività politika tal-Parlament Ewropew u jirrappreżentaw il-qofol tal-ħidma leġiżlattiva li ssir fil-kumitati u fil-gruppi politiċi.
Il-Parlament Ewropew huwa l-unika istituzzjoni tal-UE li tiltaqa’ pubblikament. Mill-1952 ’l hawn, id-dibattiti u t-testi leġiżlattivi kollha ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, li huwa aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha. L-ewwel darba li sar streaming ta’ sessjoni plenarja tal-Parlament kien f’Jannar 2002, għall-elezzjoni ta’ Pat Cox bħala President tal-Parlament Ewropew. Illum, isir streaming f’ħin reali tas-sessjonijiet plenarji u l-laqgħat fil-kumitati, bl-interpretazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.
L-uniċi persuni li għandhom aċċess għall-kamra tad-dibattiti huma l-Membri tal-PE, il-Membri tal-Kummissjoni u l-Kunsill, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, il-membri tal-persunal li d-dmirijiet tagħhom jeħtieġu li jkunu hemm, u kwalunkwe persuna mistiedna mill-President. Il-membri tal-pubbliku u l-ġurnalisti jistgħu jiġu ammessi fil-galleriji.
Il-ħin għad-diskorsi jinqasam fost il-gruppi politiċi skont id-daqs tal-grupp. Il-Membri jistgħu jgħollu karta blu matul id-dibattiti sabiex jistaqsu mistoqsija lill-Membru tal-PE li jkun qed jitkellem. Il-proċedura “catch-the-eye” tagħti wkoll l-opportunità lill-Membri tal-PE li jsemmgħu leħinhom f’diskorsi qosra, ta’ minuta. Il-votazzjoni bi prokura hija pprojbita – il-Membri jridu jieħdu sehem fil-votazzjonijiet personalment.