- Wirja: L-Emiċiklu
- Is-snin 2000-2009
L-Unjoni Ewropea daħlet fil-millennju l-ġdid. Il-plenarja ospitat mistednin li tkellmu dwar il-bidliet profondi li jaffettwaw lin-nies fl-UE u lil hinn minnha, mit-tkabbir tal-Unjoni Ewropea sad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja.
14 ta’ Marzu 2001: Anna Lindh
Anna Lindh, President fil-Kariga tal-Kunsill indirizzat is-sessjoni plenarja fl-2001, matul il-Presidenza Żvediża tal-Unjoni Ewropea. Lindh kisbet prominenza permezz tad-diplomazija tagħha biex tgħin tevita l-gwerra fl-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Hija mietet fl-2003, wara li ġiet attakkata f’ħanut fi Stokkolma.
... L-impjiegi u l-benesseri huma l-aktar kwistjonijiet importanti għaċ-ċittadini tal-Ewropa. Jekk ma nirnexxux, ikun hemm riskju li, minbarra ż-żieda fil-qgħad, il-ksenofobija u diviżjonijiet akbar fis-soċjetà, nidħlu fi kriżi ta’ fiduċja fl-Unjoni.
Anna Lindh, 14 ta’ Marzu 2001
L-abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa
Valéry Giscard d’Estaing, President tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Futur tal-Ewropa, ippreżenta l-abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa lill-Parlament fit-3 ta’ Settembru 2003.
Żrajna ż-żerriegħa, u dan huwa l-aktar kompitu importanti fir-rebbiegħa. Minn dik iż-żerriegħa, kif għidna, nittamaw li jinbet poplu tassew Ewropew, demos Ewropew.
Valéry Giscard d’Estaing
Il-Premju Sakharov 2003: Kofi Annan u l-persunal tan-NU
Il-President Pat Cox ippreżenta l-Premju Sakharov 2003 lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Kofi Annan.
Fl-istorja twila tagħha, l-Ewropa rat aktar gwerer, tirannija u tbatija terribbli milli kien ħaqqha. Iżda l-Ewropej issostitwixxew dan kollu b’futur ta’ tama. Intom għażiltu t-triq tal-paċi permezz tal-multilateraliżmu. U llum, l-Unjoni Ewropea hija simbolu ta’ tama għat-tolleranza, id-drittijiet tal-bniedem, u l-kooperazzjoni internazzjonali.
Kofi Annan, 29 ta’ Jannar 2004
It-tkabbir tal-2004
Fl-1 ta’ Mejju 2004, 10 Stati Membri ġodda – Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja – ingħaqdu mal-UE fl-akbar tkabbir tal-Ewropa.
26 ta’ Settembru 2006: Ellen Johnson Sirleaf
Ellen Johnson Sirleaf, President tar-Repubblika tal-Liberja, indirizzat lill-Parlament dwar l-isforzi biex “mill-irmied ta’ passat turbolenti nibnu Liberja ġdida li twassalna għal futur ta’ tama.”
L-ewwel Premju LUX
Il-Premju LUX, li jingħata kull sena, ilu mill-2007 jonora films Ewropej li jqanqlu d-dibattitu dwar kwistjonijiet politiċi u soċjali attwali u li jirriflettu fuq l-identità u l-valuri Ewropej. L-ewwel Premju LUX ingħata lil Fatih Akin għall-film Auf der anderen Seite (The Edge of Heaven) waqt ċerimonja fi Strażburgu fl-24 ta’ Ottubru 2007.
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE ġiet iffirmata fil-Parlament Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2007.
50 sena tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew iċċelebra l-50 anniversarju tiegħu fit-12 ta’ Marzu 2008 fi Strażburgu.
24 ta’ Settembru 2008: Il-Patrijarka Bartolomew I
Il-Qdusija Tiegħu, il-Patrijarka Ekumenika Bartolomew I, indirizza l-plenarja tal-Parlament Ewropew fl-24 ta’ Settembru 2008. Huwa qal,
Hawnhekk, f’din is-sala kbira fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew ... għaraftu l-importanza tad-djalogu interkulturali, speċjalment fi żmien fl-istorja tal-Ewropa fejn qed iseħħu trasformazzjonijiet f’kull pajjiż u f’kull dimensjoni tas-soċjetà.
8 ta’ Ottubru 2008: Íngrid Betancourt
Fit-8 ta’ Ottubru 2008 – sena li mmarkat is-60 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem – Íngrid Betancourt, politikanta Kolumbjana u attivista kontra l-korruzzjoni, tat diskors emozzjonali dwar il-ħtif tagħha, u dwar “kemm id-dinja għandha bżonn li l-Ewropa ssemma’ leħinha.”
20 sena tal-Premju Sakharov
Is-17 ta’ Diċembru 2008 kien l-20 anniversarju tal-Premju Sakharov. Il-Premju ngħata lil Hu Jia, attivist li ġibed l-attenzjoni tad-dinja fuq il-massakru fil-Pjazza Tiananmen, il-kwistjonijiet relatati mal-AIDS u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina.
Attendiet iċ-ċerimonja Elena Bonner, l-armla ta’ Andrei Sakharov, li huwa l-bniedem li għalih iġib ismu l-premju.
Qatt ma għandna nagħmlu konċessjonijiet f’każ li d-drittijiet tal-bniedem ikunu jinsabu f’periklu ... għaliex dawk huma l-pedament tal-futur tagħna u ċ-ċivilizzazzjoni tagħna.
Elena Bonner, 17 ta’ Diċembru 2008