- Wirja: L-Emiċiklu
- Is-snin disgħin
13 ta’ Ġunju 1990: Nelson Mandela
Nelson Mandela żar il-Parlament Ewropew f’Ġunju 1990, ftit xhur biss wara li nħeles mill-ħabs, biex jirċievi l-Premju Sakharov 1988.
Dan il-kontinent probabbli jaf it-tifsira vera tar-razziżmu daqs kwalunkwe kontinent ieħor. Il-popli tiegħu kienu l-atturi tar-razziżmu kontra oħrajn, u huma stess sfaw vittmi ta’ ideoloġija razzista sfrenata u qattiela. Għaldaqstant, żgur li tafu li din l-ideoloġija u din il-prattika jtellfu d-dinjità kemm ta’ min iwettaq l-att kif ukoll ta’ min jisfa vittma tiegħu, u jneżżgħuhom mill-umanità. Jaqflu lit-tnejn li huma f’tgħanniqa ta’ kunflitt u odju. Finalment, u fl-agħar stadju tagħhom, iwasslu għall-ġenoċidju u għall-aktar reati makabri kontra l-umanità.
Nelson Mandela, 13 ta’ Ġunju 1990
1 ta’ Diċembru 1993: Yitzhak Rabin
Ftit xhur biss wara li ffirma l-ewwel Ftehim ta’ Oslo li jistabbilixxi qafas għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina, il-Parlament organizza seduta solenni għaż-żjara ta’ Yitzhak Rabin, Prim Ministru tal-Istat ta’ Iżrael.
13 ta’ Diċembru 1993: Yasser Arafat
Ġimagħtejn wara, il-President tal-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni Palestinjana, Yasser Arafat, indirizza lill-Parlament Ewropew.
8 ta’ Marzu 1994: Václav Havel
L-istorja tefgħatilna sfida li nistgħu nilqgħuha, jekk nixtiequ. Jekk ma nagħmlux dan, jaf nitilfu opportunità kbira biex noħolqu kontinent ta’ kooperazzjoni ħielsa u paċifika. Huwa biss iblah li ma jkun tgħallem xejn mill-millenji ta’ storja Ewropea li jista’ jemmen li t-trankwillità, il-paċi u l-prosperità jistgħu jiffjorixxu għal dejjem f’parti waħda tal-Ewropa mingħajr ma jitqies dak li jkun qed jiġri fl-oħra.
Václav Havel, 8 ta’ Marzu 1994
17 ta’ Jannar 1995: François Mitterrand
In-nazzjonaliżmu jfisser gwerra! Il-gwerra mhix biss il-passat tagħna, iżda tista’ tkun ukoll il-futur tagħna! U minn issa ’l quddiem, aħna u intom, sinjuri Membri tal-Parlament Ewropew, se nkunu l-gwardjani tal-paċi tagħna, tas-sigurtà tagħna u tal-futur tagħna!
François Mitterrand, 17 ta’ Jannar 1995
19 ta’ Jannar 1995: Jacques Delors
Il-President uxxenti tal-Kummissjoni, Jacques Delors, ta diskors tal-aħħar lill-Parlament fid-19 ta’ Jannar 1995. Matul il-presidenza tiegħu, huwa ssorvelja l-ħolqien tas-suq uniku, it-Trattat ta’ Maastricht, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u t-tnedija tal-programm Erasmus.
Isa, qawwu qalbkom, ir-rebbiegħa Ewropea għadha ġejja!
Jacques Delors, 19 ta’ Jannar 1995
11 ta’ Lulju 1995: Jacques Chirac
Waqt żjara f’Lulju 1995, Jacques Chirac, President tar-Repubblika Franċiża, sab ruħu kkonfrontat b’dimostrazzjoni mill-Membri tal-PE kontra d-deċiżjoni ta’ Franza li terġa’ tibda l-ittestjar nukleari f’Mururoa.
20 ta’ Ottubru 1998: John Hume
L-attivist tal-paċi u eks Membru tal-PE, John Hume, ingħata l-premju Nobel għall-Paċi għall-isforzi tiegħu biex isib soluzzjoni paċifika għall-kunflitt li kien ilu għaddej żmien twil fl-Irlanda ta’ Fuq. Din il-kisba ġiet onorata f’sessjoni plenarja tal-20 ta’ Ottubru 1998.
Dak li kollha kemm aħna rridu nitgħallmu huwa dak li tgħallmu l-popli tal-Ewropa u qed nitgħallmu aħna fl-Irlanda ta’ Fuq: id-differenza – kemm jekk tkun fir-razza, fir-reliġjon jew fin-nazzjonalità – hija kumbinazzjoni li sseħħ mat-twelid u mhijiex xi ħaġa li għandna nidħlu f’kunflitt dwarha. Hija xi ħaġa li għandna nirrispettaw.
John Hume, 20 ta’ Ottubru 1998
John Hume jindirizza lill-Parlament Ewropew