- Wirja: L-Emiċiklu
- Is-snin tmenin
Kull sena, il-Parlament Ewropew jilqa’ Kapijiet ta’ Stat, personalitajiet eminenti u mexxejja reliġjużi. Barra minn hekk jorganizza avvenimenti biex jikkommemora mumenti storiċi għall-Ewropa. Dawn huma opportunitajiet siewja biex tinġibed l-attenzjoni tal-media għal kwistjonijiet politiċi u biex titqajjem kuxjenza pubblika dwar ir-rwol u l-iskop ta’ din l-istituzzjoni unika fid-dinja.
16 ta’ Diċembru 1981: Margaret Thatcher
Margaret Thatcher saret l-ewwel president fil-kariga tal-Kunsill Ewropew li deher quddiem il-Parlament Ewropew biex jagħti rendikont tad-diskussjonijiet fost il-mexxejja tal-Istati Membri.
14 ta’ Frar 1984: Il-“Pjan Spinelli”
Il-Membru tal-PE, Altiero Spinelli, kien il-persuna prinċipali wara l-proposta tal-Parlament Ewropew għal trattat dwar Unjoni Ewropea federali, magħruf bħala l-“Pjan Spinelli” u adottat mill-Parlament fl-1984.
It-triq li rridu nieħdu la hi faċli u lanqas ma tagħtina ċertezzi. Iżda jeħtieġ li naqbduha, u jirnexxilna.
Altiero Spinelli
8 ta’ Mejju 1985: Ronald Reagan
Il-President tal-Istati Uniti Ronald Reagan indirizza l-plenarja tal-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Mejju 1985. F’entrata tad-djarju dwar iż-żjara, Reagan kiteb:
It-tema tiegħi kienet ‘Il-libertà taħdem’, u rrikonoxxejt li dak li l-Parlament jirrappreżenta huwa kważi miraklu.
Dikjarazzjoni Konġunta kontra r-Razziżmu u l-Ksenofobija
Fl-1986, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament adottaw Dikjarazzjoni Konġunta kontra r-Razziżmu u l-Ksenofobija, li fiha huma
jikkundannaw bil-qawwa kull forma ta’ intolleranza, ostilità u użu tal-forza kontra persuni jew gruppi ta’ persuni għal raġunijiet ta’ differenzi razzjali, reliġjużi, kulturali, soċjali jew nazzjonali.
11 ta’ Ottubru 1988: Il-Papa Ġwanni Pawlu II
Il-Papa Ġwanni Pawlu II tkellem dwar l-appoġġ qawwi li l-Vatikan kien qed jagħti għall-kostruzzjoni tal-Ewropa li kienet qiegħda sseħħ, proċess paċifiku li jiġbor lin-nies flimkien u jipprovdi xaqq ta’ tama lid-dinja.
L-Ewropa tal-lum il-ġurnata żgur li tilqa’ bi ħġarha, bħala sinjal ta’ żminijietna, l-istat ta’ paċi u kooperazzjoni stabbilit bejn l-Istati Membri tagħha, li għal sekli sħaħ ħlew saħħithom fil-gwerer kontra xulxin u ppruvaw jimponu l-awtorità tagħhom fuq oħrajn.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II, 11 ta’ Ottubru 1988