Insawru l-Ewropa
X’ġara mill-elezzjoni tal-2019 ’l hawn?
Dan hu li nbidel fl-Ewropa
Dan hu li nbidel fl-Ewropa
Mill-aħħar elezzjonijiet ’l hawn, l-UE u s-sħab tagħha ffaċċjaw ħafna sfidi. Dawn ivarjaw mill-pandemija tal-COVID-19 għal kunflitti madwar id-dinja – inkluż fil-fruntieri tal-UE bil-gwerra fl-Ukrajna.
Il-Parlament Ewropew ilu jappoġġja lill-Ukrajna minn mindu r-Russja nediet invażjoni illegali fuq skala sħiħa tal-pajjiż fl-2022.
Biex jippermetti l-iżvilupp fi ħdan l-UE, NextGenerationEU qed jipprovdi aktar minn €800 biljun f’fondi għall-irkupru mill-pandemija. Programmi oħrajn tal-UE qed jagħtu spinta lir-riċerka (Orizzont Ewropa), l-investiment (InvestEU), l-iskambji edukattivi (Erasmus+) u l-kura tas-saħħa (EU4Health).
Biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima, il-MPE adottaw il-liġi Ewropea dwar il-klima, li tobbliga lill-UE tasal għal emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti sal-2050. Il-Parlament approva projbizzjoni tal-UE fuq oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss u b’hekk, mill-2021, il-platti, pożati, straws, stikek tal-bżieżaq u cotton buds tal-plastik ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq tal-Istati Membri tal-UE.
Il-protezzjoni tal-konsumatur issaħħet ukoll. Daħal fis-seħħ ir-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), li jiżgura standard għoli ta’ protezzjoni tad-data personali tan-nies li tintuża mill-kumpanniji bbażati fl-UE u lil hinn minnha. L-Att dwar is-Swieq Diġitali jistabbilixxi regoli ċari għall-pjattaformi l-kbar, li għandhom l-għan li jwaqqfuhom milli jimponu kundizzjonijiet inġusti fuq in-negozji u l-konsumaturi. Min-naħa tiegħu, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandu l-għan li jipproteġi lill-utenti minn kontenut dannuż u illegali. Għandu wkoll l-għan li jistabbilixxi swieq online aktar sikuri u pjattaformi trasparenti.
Fl-aħħar nett, il-MPE approvaw l-ewwel liġi komprensiva dinjija dwar l-IA, l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. Dan jistabbilixxi regoli għal mudelli kbar u b’saħħithom tal-IA, filwaqt li jiżgura li ma joħolqux riskji sistemiċi għall-UE. Minbarra dan, joffri salvagwardji b’saħħithom għaċ-ċittadini u għad-demokraziji kontra kwalunkwe abbuż mit-teknoloġija min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi.