Insawru l-Ewropa
Flimkien għad-demokrazija: Ivvota fl-2024!
Uża l-vuċi tiegħek
Uża l-vuċi tiegħek
Għaliex għandek tivvota fl-Elezzjonijiet Ewropej tal-2024?
Il-Parlament Ewropew huwa l-post fejn jinġabru nies minn madwar l-Unjoni Ewropea kollha biex jiddiskutu u jiddeċiedu dwar kwistjonijiet importanti li jħallu impatt fuq il-ħajja ta’ kulħadd. Iċ-ċittadini għandhom rwol kruċjali f’dan il-proċess. Id-demokrazija tibda minna, il-poplu. L-ewwel pass nagħmluh meta nivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u d-deċiżjonijiet li jittieħdu fih jaffettwaw ħajjitna. Jekk ma nipparteċipawx, ma jkollniex sehem fil-mod kif jissawwar il-futur; iżda lil hinn minn dan, il-Parlament jitlef is-saħħa tiegħu, u l-valuri tiegħu jitilfu t-tifsira tagħhom.
Allura INTI għaliex għandek tivvota?
L-ewwel nett, il-vot huwa l-mod li bih inti tinfluwenza l-futur tal-Ewropa. Ħafna mir-regoli li jaffettwawna, bħall-politiki dwar l-immigrazzjoni, il-COVID-19 jew it-tibdil fil-klima, jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE. It-tieni nett, meta tuża l-vot tiegħek, inti tkun qed tissalvagwardja d-demokrazija nnifisha. Dan l-aħħar, id-demokrazija fl-Ewropa kif ukoll fil-bqija tad-dinja ltaqgħet ma’ diversi turbolenzi. Hija r-responsabbiltà tagħna li nżommuha ħajja, mhux biss fl-Ewropa iżda kullimkien. Il-votazzjoni hija parti ewlenija mid-demokrazija, iżda mhix kollox. Id-demokrazija teħtieġ li nżommu ruħna infurmati, insemmgħu leħinna b’diversi modi, u nqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet importanti għalina u għall-futur tagħna. Il-libertà li nagħmlu dan kollu hija parti prezzjuża mid-demokrazija, u huwa fl-aħjar interess tagħna li nipproteġuha.
Flimkien.eu: Id-demokrazija tagħmilna dak li aħna
X’inhi flimkien.eu?
Flimkien.eu hija inizjattiva tal-Parlament Ewropew li għandha l-għan li ssaħħaħ id-demokrazija Ewropea permezz ta’ enfasi partikolari fuq it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024. Hija komunità diversa magħmula minn individwi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiddedikaw ruħhom biex isaħħu d-demokrazija. Tista’ tingħaqad ma’ din il-komunità vibranti u tħeġġeġ lill-familja, il-ġirien, il-ħbieb u l-kollegi tiegħek biex jieħdu sehem billi jivvutaw (#Użal-VotTiegħek).
Id-demokrazija tibda b’atti sempliċi, bħall-votazzjoni, l-iffirmar ta’ petizzjoni jew il-parteċipazzjoni f’avveniment. Dawn ilkoll jikkontribwixxu għall-paċi, il-libertà u kwalità ta’ ħajja aħjar. Flimkien, qed naħdmu biex insaħħu l-valuri ewlenin tad-demokrazija. Ingħaqad magħna, u b’hekk tkun qed tingħaqad ma’ nies tal-istess fehma, ittejjeb il-ħiliet tiegħek, tinvolvi ruħek ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u taċċessa riżorsi siewja biex tippromwovi d-demokrazija u l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024. Għal aġġornamenti dwar l-attivitajiet tal-kampanja elettorali u l-komunità flimkien.eu, ingħaqad ma’ flimkien.eu. U ibqa’ żomm ruħek informat permezz tas-sit web elections.europa.eu/mt.
L-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 se jiddeterminaw kif, flimkien, se niffaċċjaw wieħed mill-aktar żminijiet ta’ sfida li l-ġenerazzjoni tagħna qatt esperjenzat.
Ejjew niktbu l-istorja flimkien, vot wara l-ieħor.