Insawru l-Ewropa
Nagħtu s-setgħa lil leħen iċ-ċittadini: Is-snin tmenin
L-espansjoni tal-proġett Ewropew
L-espansjoni tal-proġett Ewropew
Il-Komunitajiet Ewropej baqgħu jiżviluppaw fis-snin tmenin bis-sħubija ta’ aktar pajjiżi, bit-tnedija tas-suq uniku u bir-relazzjonijiet barranin stabbiliti fil-Gwerra Bierda. X’inhuma l-kwistjonijiet li kienu qed jaffettwaw lill-votanti tal-Ewropa?
1984: L-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini Ewropej bis-saħħa ta’ Parlament aktar b’saħħtu
Fl-1984 iċ-ċittadini tal-għaxar Stati Membri, inkluża l-Greċja, li kienet ingħaqdet mal-Komunitajiet Ewropej fl-1981, ivvutaw fl-elezzjonijiet.
Il-voti taċ-ċittadini tal-UE issa kien se jkollhom effett fuq il-finanzi Komunitarji: is-setgħat tal-Parlament Ewropew ġew estiżi għall-baġit tal-Komunità.
Bi preparazzjoni għall-elezzjonijiet, il-MPE abbozzaw kostituzzjoni xprunata mill-attivist federalista Altiero Spinelli biex l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej jiġu riformati, u b’hekk jitqarrbu lejn iċ-ċittadini. Għalkemm l-inizjattiva ma ġietx adottata mill-Istati Membri, hija kienet turi sforz sinifikanti mill-Parlament biex il-Komunitajiet Ewropej isiru aktar demokratiċi.
1989: Il-mixja lejn il-Mediterran
Sal-1989, Spanja u l-Portugall saru membri tal-Komunitajiet Ewropej u ċ-ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi ivvutaw f’dawn l-elezzjonijiet.
It-tkabbir lejn in-Nofsinhar tal-Ewropa wassal għal żieda fid-disparitajiet reġjonali bejn l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej. Biex dan il-fenomenu jiġi indirizzat, ġiet introdotta politika ta’ koeżjoni ġenwina. Il-fondi strutturali li jiffukaw fuq l-ifqar reġjuni, l-immirar strateġiku tal-investimenti u l-ipprogrammar multiannwali ġew integrati fil-politika tal-Komunitajiet Ewropej.
Il-Komunità Ewropea kienet qiegħda dejjem tiffaċċja aktar diżastri ambjentali fuq skala kbira, inklużi l-katastrofi ta’ Chernobyl, livelli allarmanti ta’ tniġġis tal-arja u tal-ilma, u t-toqba fis-saff tal-ożonu. Il-pubbliku kien qed isir aktar konxju tat-theddid ambjentali u l-attenzjoni daret fuq il-ħtieġa ta’ politika ambjentali fil-livell Ewropew. Dan ġie rifless ukoll fil-popolarità dejjem tikber tal-partiti tal-Ħodor madwar l-Ewropa.
U fost dawn l-isfidi, l-integrazzjoni Ewropea kompliet tissaħħaħ. Ġie adottat l-Att Uniku Ewropew (1986) biex jinħoloq suq komuni: l-ostakoli għall-kummerċ fil-Komunità bdew jitneħħew u l-istandards bdew jiġu armonizzati. Il-Parlament beda jkollu vuċi reali dwar il-leġiżlazzjoni permezz ta’ proċeduri magħrufa bħala kooperazzjoni u kunsens — u kellu bżonn il-vuċi demokratika taċ-ċittadini biex tiggwidah.
Tnieda l-programm Erasmus. Dan ikompli jagħti opportunitajiet ta’ taħriġ akkademiku u professjonali, b’madwar 13-il miljun parteċipant sal-2022.
Fl-1988, il-Parlament Ewropew nieda l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb. Il-Parlament huwa ddedikat għall-protezzjoni tad-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni, u jagħti l-Premju lil individwi, gruppi u organizzazzjonijiet li jkunu taw kontribut eċċellenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. L-ewwel Premju ngħata lil Nelson Mandela u Anatoli Marchenko (wara mewthom) fl-1988.