- Wirja: Louise Weiss: Ewropea impenjata
- Kittieba u reġista
Wara d-devastazzjoni tal-gwerra, Louise Weiss bdiet tħares lil hinn mill-Ewropa għal modi ġodda kif tuża l-isforzi konsiderevoli tagħha. L-ambizzjoni tagħha li tuża l-istampi bħala mod kif tesprimi l-ideat tagħha wasslitha biex tivvjaġġa madwar id-dinja u tqajjem kuxjenza f'pajjiżi u ċiviltajiet 'il bogħod mill-Ewropa.
Kien f'dak iż-żmien li Weiss żviluppat interess fil-ħidma tal-"Institut français de polémologie" (L-Istitut Franċiż tal-istudju tal-kunflitti), istitut tal-istudju tal-kunflitti li kien jeżamina l-kawżi tal-kunflitti armati. Matul dan il-perjodu kompliet tikteb novelli, bijografiji, xogħlijiet għat-teatru, essays u kitbiet dwar l-ivvjaġġar, u ppubblikat sitt volumi ta' "Mémoires d'une Européenne" (Memorji ta' Ewropea) li rebaħ il-Premju Robert Schuman għall-għaqda Ewropea fl-1978.
Għaddiet bosta snin bħala etnografa fl-Asja, fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani u fis-subkontinent Indjan, u tat xhieda għall-bidliet radikali ġeopolitiċi, reliġjużi, soċjali u kulturali, li fl-isfond tal-Gwerra l-Bierda, kienu qed jittrasformaw it-Tielet Dinja. Għamlet għexieren ta' dokumentarji u films qosra, li ppreżentat waqt tours ta' konferenzi madwar l-Ewropa.
Hi stabbiliet il-Fondation Louise Weiss fi Strasburgu, li tippremja individwi li jaħdmu għall-paċi u t-tqarrib bejn il-popli. Sa mill-2005, l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Ewropej tat il-Premju annwali Louise Weiss lil ġurnalisti li jiffukaw fuq l-affarijiet Ewropej.