- Wirja: Louise Weiss: Ewropea impenjata
- L-ewwel snin: gwerra u paċi
Louise Weiss twieldet fil-25 ta' Jannar 1893 f'Arras (fir-reġjun Pas-de-Calais fi Franza), l-akbar waħda minn sitt itfal f'familja borgiża benestanti b'oriġini fl-Alsace u valuri repubblikani patrijottiċi u sekulari. Missierha kien inġinier tal-minjieri prominenti. Ommha kienet ukoll mill-Alsace. Kienet ġejja minn familja Lhudija b'għeruq fl-Ewropa ċentrali, storja tal-familja li għamlet lil Weiss konxja minn età żgħira dwar il-perikli tal-istorja u r-relazzjonijiet diffiċli bejn Franza u l-Ġermanja.
Għaddiet żgħożitha f'Pariġi fejn ingħatat edukazzjoni dixxiplinata fl-aqwa skejjel tal-pajjiż. Minkejja l-oppożizzjoni ta' missierha, Weiss segwiet perkors akkademiku ta' suċċess u kisbet lawrja mill-Università ta' Oxford u kwalifika prestiġjuża fl-arti (agrégation de lettres) meta kien għad għandha biss 21 sena. Louise b'hekk kellha l-kwalifika għal għalliema, iżda l-futur tagħha ma kienx ġo klassi. Meta gradwat fl-1914, il-ħajja nbidlet għal dejjem – kemm għal Louise Weiss, kif ukoll għall-Ewropa kollha.
Il-massakru li seħħ fil-kampijiet tal-battalja tal-Ewwel Gwerra Dinjija u s-sofferenza ta' ġenerazzjoni sagrifikata ħallew is-sinjal tagħhom fuq Weiss għal għomorha. Hija ċediet opportunità għal karriera bi qligħ tajjeb fl-edukazzjoni u minflok fetħet sptar militari żgħir għall-kura ta' suldati feruti waqt il-battalji u, aktar tard, ċentru għall-vittmi fit-Tramuntana ta' Franza.
Madankollu, Weiss malajr bdiet timraħ biex issib modi oħra kif tuża t-talenti tagħha. Kienet tħobb tiddiskuti u taqsam l-ideat, u b'hekk saret ġurnalista u ppubblikat l-ewwel artikli tagħha f'gazzetti Pariġini.