- Wirja: Louise Weiss: Ewropea impenjata
- Ġurnalista għall-Ewropa
Ix-xewqa ta' Louise Weiss li l-Ewropa tingħaqad aktar u tilħaq fehim aħjar bejn in-nazzjonijiet tagħha nibtet fit-terruri tal-Gwerra l-Kbira bħal ma nibet fiha wara l-gwerra l-għan li jinbena futur aħjar għaċ-ċittadini. Fl-1918 hija waqqfet il-ġurnal ta' kull ġimgħa "L'Europe nouvelle" (L-Ewropa l-ġdida) li kien maħsub biex jagħti informazzjoni ta' kwalità għolja dwar il-politika internazzjonali u kwistjonijiet ekonomiċi ewlenin biex jgħinu lil dawk li kienu qed ifittxu l-paċi fl-Ewropa.
Fl-1919 hija attendiet iċ-ċerimonja ta' ffirmar tat-Trattat ta' Paċi ta' Versailles bħala ġurnalista, u sikwit kienet tirrapporta mill-Ewropa ċentrali u tal-lvant dwar l-aspirazzjonijiet nazzjonali ta' pajjiżi li kienu ħerġin mir-rovini tal-Imperu Awstro-Ungariku. Hija żaret ukoll ir-Russja, fejn kitbet rapport għas-Salib l-Aħmar dwar ir-reġjuni milquta minn karestija wara li rat b'għajnejha l-impatt tar-rivoluzzjoni Sovjetika. Weiss baqgħet dejjem attivista soċjali u, meta rritornat Franza, organizzat kampanji biex tingħata għajnuna lit-tfal Russi u Ukreni li spiċċaw fi stat ta' malnutrizzjoni.
Bil-ħidma tagħha bħala Kap Editur ta' "L'Europe nouvelle" mill-1920 sal-1934, Weiss sabet ruħha fil-qalba ta' ħafna mumenti ewlenin tal-iżvilupp tal-Ewropa matul is-seklu 20. Hi ħadmet ma' ħafna mill-kittieba l-kbar ta' żmienha, minn Paul Valéry sa Léon Blum, u ta' spiss kienet titlobhom jikkontribwixxu fil-gazzetta tagħha fuq kwistjonijiet ta' politika estera.
Ta' spiss kienet tmur Ġinevra fejn kienet tkopri l-iżviluppi fir-rigward tal-Lega tan-Nazzjonijiet u ltaqgħet ma' Jean Monnet, li aktar tard sar magħruf bħala "Missier Fundatur tal-Ewropa".
Hi kienet favur paċi ġusta mal-Ġermanja u għenet biex tiġi popolarizzata l-idea tal-integrazzjoni Ewropea. Hi appoġġat it-Trattati ta' Locarno li stabbilixxa sistema ta' sigurtà kollettiva fl-Ewropa, u ddefendiet il-proġett ambizzjuż ta' unjoni federali Ewropea tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż Aristide Briand.
Louise Weiss gradwalment saret forza sinifikanti fid-dinja tal-ġurnaliżmu diplomatiku li kienet dominata mill-irġiel. F'Pariġi ltaqgħet ma' intellettwali, diplomatiċi u politiċi ewlenin. Ir-reputazzjoni tagħha kienet tali li wasslitha biex jagħmluha Kavallier tal-Leġjun tal-Unur fl-1925. Madankollu, inqas minn deċennju aktar tard, Hitler ħa l-poter fil-Ġermanja u Weiss sabet ruħha konvinta li kwalunkwe tqarrib Ewropew kien qed isir impossibbli. Għalhekk abbandunat il-ġurnaliżmu biex tinkiseb il-paċi fl-Ewropa b'mezzi differenti.