- Wirja: Louise Weiss: Ewropea impenjata
- Femminista
Fl-1934, Louise Weiss iddedikat ruħha għal sfida ġdida: il-kampanja għall-emanċipazzjoni tan-nisa. Ispirata mill-attivitajiet tas-suffragettes Britanniċi u Amerikani, hija waqqfet l-assoċjazzjoni "La Femme nouvelle" (Il-Mara l-ġdida) biex tiġġieled għad-drittijiet tal-vot għan-nisa u ħolqot ċentru ta' informazzjoni għal kampanja għad-drittijiet ċivili u politiċi ndaqs għall-irġiel u n-nisa Franċiżi.
Għalkemm ma kinitx eliġibbli biex toħroġ għall-elezzjoni, Louise Weiss għamlet punt qawwi billi ħarġet bħala kandidat f'bosta elezzjonijiet.
Fil-bidu ppruvat toħroġ għall-elezzjonijiet lokali, iżda mbagħad, fl-1936, ingħaqdet ma' suffragettes oħra f'Pariġi f'kampanja simbolika għall-elezzjoni għall-Assemblea Nazzjonali Franċiża. Ġiet prodotta u mqassma fit-toroq kartolina postali speċjali li kienet turi lil Louise Weiss b'curriculum vitae dettaljat.
Hi organizzat ukoll tour madwar Franza, filwaqt li żiedet l-azzjoni u l-protesti biex titlob id-dritt għall-emanċipazzjoni tan-nisa.
Iżda kienet se terġa' tisfa' diżappuntata mill-progress fl-Ewropa: in-nisa fi Franza kien se jkollhom jistennew sal-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija biex jiksbu d-dritt tal-vot u jkunu eliġibbli biex joħorġu għall-elezzjonijiet bl-istess kundizzjonijiet bħall-irġiel.
Weiss malajr irrealizzat li l-isforzi tagħha kienu meħtieġa f'inħawi oħra tal-Ewropa. Fl-1938, Weiss għarfet li kunflitt ġdid kien inevitabbli u involviet ruħha fil-ħidma tal-Kumitat Ċentrali għar-Rifuġjati li kien ġie stabbilit mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin biex jimmaniġġja l-influss ta' familji Lhud li kienu qed jaħarbu minn Naziżmu. Aktar tard, ħadmet mal-Unjoni tan-Nisa Franċiżi bl-Onorifiċenza tal-Leġjun tal-Unur, fejn għenet tmexxi servizz ċivili tan-nisa "għad-difiża passiva kontra l-attakki mill-ajru".
Mal-wasla tal-gwerra, Weiss kompliet taħdem bla heda biex tgħin lil ħaddieħor. Hi vvolontarjat għal missjoni fl-Istati Uniti biex tiġbor mediċini u ikel essenzjali għas-Salib l-Aħmar ta' Franza. Meta marret lura Franza, għalkemm ma waqqfitx lill-Gestapo milli jaħtaf il-librerija u l-arkivji personali tagħha, hija rnexxielha tevita l-persekuzzjoni anti-Lhudija u rnexxielha tipproteġi diversi ħbieb tagħha milli jinqabdu.